Il-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jwissi li s-sistema tas-saħħa waslet biex tikkrolla u l-aħħar żviluppi li wasslu biex l-assoċjazzjoni tat-tobba tordna direttivi minħabba li l-Isptar Mater Dei mhux qed ilaħħaq huma xhieda ta’ dan.
B’dispjaċir issa qed nassistu għal dak li kien inevitabbli wara snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar u tmexxija ħażina min-naħa tal-Gvern. Diġà hija ħasra li l-Gvern kellu jirrikorri għall-isptarijiet privati biex ikun jista’ jkompli jipprovdi s-servizzi minħabba s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Isptar Mater Dei, u huwa agħar jekk, kif qed jiġi rrappurtat, ma saritx konsultazzjoni mat-tobba u l-professjonisti tas-saħħa.
Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia
L-akbar ħasra hi, imma, li bħal dejjem, ikun il-pazjent li jsofri.
F’din is-sitwazzjoni daqstant delikata, il-Partit Nazzjonalista mhux se jieħu linja partiġjana.
Minflok, u b’responsabbiltà, qed insejħu lill-Gvern biex minnufih ipoġġi madwar mejda mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-istakeholders l-oħra biex fl-aqwa interess tal-pazjent u biex il-pazjent ma jibqax ibati, jinstabu s-soluzzjonijiet bl-akbar urġenza.
Aħna lesti li nkunu hemm, u nagħtu s-sehem tagħna kif meħtieġ. Il-Partit Nazzjonalista lest jikkontribwixxi u jgħin biex jinstabu rimedji għall-kriżi li qed jiffaċċja l-qasam tas-saħħa.
Għall-PN, is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin hija prezzjuża wisq. Hija kollox.
//= $special ?>