Is-Sibt filgħodu, ingħatat l-aħħar tislima lill-eks Ministru u eks Deputat Nazzjonalista, Michael Falzon, waqt cerimonja funebri li saret fis-Santwarju tal- Ħniena Divina f’San Pawl tat-Tarġa.
Tul l-omelija tiegħu, Dun Michael Agius irringrazzja lill-Perit Falzon tal-ħidma dejjiema tiegħu, fejn iddeskrivih bħala bniedem professjonali li dejjem kellu l-bieb miftuħ għal kulħadd. Huwa saħaq li sal-aħħar, Michael Falzon kien baqa’ jagħti kontribut sħiħ lill-pajjiż kemm fil-ħajja politika tiegħu, kemm dik professjonali kif ukoll bħala opinjonista fuq il-media lokali.
Il-mewt ta’ Michael Falzon tħabbret proprju nhar il-Ħadd, 5 ta’ Jannar. U miet fl-eta ta’ 79 sena.
Tul is-snin huwa kien ukoll attiv f’diversi għaqdiet u organizzazjonijiet filwaqt li għamel perjodu twil bħala Direttur Editorjali tal-gazzetti, ‘In-Nazzjon’, ‘il-mument’ kif ukoll ‘The Democrat’.
Il-Perit Falzon – li twieled il-Gżira fl-1945 – kien ilu mill-1975 attiv fil-politika, u kien elett deputat tal-PN fl-1976.
Falzon kien l-ewwel Direttur Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
Preżenti għal funeral kien hemm fost oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mas-Sinjura tiegħu Annemarie, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, diversi Deputati Nazzjonalisti u uffiċjali tal-Partit, u persuni distinti oħrajn.
//= $special ?>