Lokali

Titlef ħajjitha ż-żagħżugħa li ntlaqtet minn vettura fil-Fgura

Tilfet ħajjitha ż-żagħżugħa ta’ 24 sena minn Nepal wara li fis-6 ta’ Jannar, hi flimkien ma’ mara oħra ta’ 34 sena, intlaqtu minn vettura li kienet qed tinstaq minn żagħżugħa ta’ 20 sena residenti Birżebbuġa.

Il-każ seħħ it-Tnejn kmieni filgħaxija fi Triq Hompesch fil-Fgura fejn fil-post kien ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa liż-żewġ barranin l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Madanakollu, sfortunatament, wara li fl-aħħar jiem kien qiegħed isir minn kollox mill-istaff mediku biex isalvaw ħajjet iż-żagħżugħa, hija tilfet il-battalja mal-mewt.

Intant, il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia fetaħ inkjesta maġisterjali filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa.