Messaġġ ċar lil Robert Abela. Jien hawn kont u hawn se nibqa’. Jekk għandek bżonn siġġu fittxu mingħand ħaddieħor.
Huwa dan il-mod li bih diversi partitarji Laburisti Karkariżi qed jinterpretaw il-messaġġ dirett li kiteb Edward Zammit Lewis fuq il-media soċjali. Bid-deputat Laburista determinat li jibda s-sena bil-kbir, u ma jħallix il-klikka ta’ Robert Abela twarrbu min-nofs.
Kollox beda ix-xahar li għadda meta l-eks ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, ma ġiex aċċettat bħala kandidat għal Imħallef fil-Qorti tal-Unjoni Ewropea.
Dan wassal biex Zammit Lewis – li jiġi elett minn Birkirkara – se jkollu jibqa’ bis-siġġu Parlamentari tiegħu. U dan ħarbat komplatament il-pjan ta’ Robert Abela li ried jagħlaq ħalq Yana Debono Grech billi joffrilha post fil-Parlament.
Issa, Zammit Lewis qed jgħid li jrid ikun medjatur biex tissolva l-kwistjoni tas-Sindakat f’Birkirkara. Tant illi kiteb hekk: “ġaladarba għaddew xhur u ħadd ma solva din l-stalemate evidenti, qed noffri pubblikament l-għajnuna tiegħi sabiex tiġi risolta tali kwistjoni.”
Apparti li din hija botta ċara lejn it-tmexxija ta’ Kastilja li skont il-Laburisti Karkariżi raqdet fuq din il-kwistjoni, is-sorsi tagħna kkonfermaw li l-klikka ta’ Joseph Muscat u l-istess Zammit Lewis riedu jwasslu messaġġ dirett – li l-eks Ministru Laburista mhux se jċedi għall-manuvri ta’ Robert Abela u sħabu.
//= $special ?>