Neil Camenzuli
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, fuq il-midja soċjali qed naraw bosta kummenti rigward is-sitwazzjoni tal-futbol f’pajjiżna, b’mod speċjali fuq s-sitwazzjoni tal-plejers żgħażagħ Maltin, u n-nuqqas ta’ opportunitajiet li qed jingħataw lil dawn it-talenti fil-kampjonat Premier.
Din id-diskussjoni bdiet prinċipalment wara l-partita Mosta kontra Gżira li ntlagħbet fl-4 ta’ Jannar, fejn wieħed iħares lejn l-ewwel 22 plejer li bdew il-partita, jara li kull ma kien hemm 7 plejers Maltin, b’2 minn dawk il-plejers ikunu Enrico Pepe u Gabriel Mentz Bohrer li kisbu ċ-ċittadinza Maltija fl-aħħar snin.
Din is-sitwazzjoni qed ikolla effetti negattivi mhux biss fuq l-iżvilupp tat-talent Malti, iżda anke fuq il-prestazzjonijiet u s-sitwazzjoni tat-tim Nazzjonali Malti. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn it-tim Nazzjonali Malti, b’mod speċjali lejn l-aħħar ftit partiti li lagħbu, jara li mid-daqqa t’għajn rebħu tlieta minn l-aħħar ħames logħbiet tagħhom, bit-tnejn l-oħra jintemmu fi draw u f’telfa.
Pero jekk wieħed iħares aktar lejn id-dettall, u janalizza l-partita bejn Malta u Andorra li ntemmet fi draw ta’ bla gowls, jinduna li l-Maltin kellhom 3 plejers li ma twieldux f’pajjiżna, u l-anqas qatt biss tħarġu f’Malta f’livell ta’ Nursery, li huma Teddy Teuma, Trent Buhagiar u Gabriel Mentz. Apparti minnhekk, tnejn mill-ħames plejers li daħlu bħala sostituti ukoll qatt ma tħarġu fl-ebda Nursery f’pajjiżna, fil-forma ta’ Basil Tuma u Enrico Pepe.
Wieħed jista’ jargumenta li bl-għajnuna ta’ dawn il-plejers mhux imwielda Malta, it-tim Malti qed ikollu prestazzjonijiet aħjar, u saħansitra għandu ċans li jikseb promozzjoni storika jekk jegħleb lil Lussemburgu f’Marzu li ġej.
Minn naħa l-oħra, meta wieħed jara n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ plejers Maltin taħt il-25 sena fil-Kampjonat Premier, u anke l-inklużjoni tal-barranin fit-tim Nazzjonali Malti, jinnota li l-iżvillupp tal-plejers Maltin mhux qiegħed jingħata prijorità kif suppost.
Jien konvint li f’pajjiżna għanda numru ta’ żgħazażgħ Maltin ta’ talent enormi, pero kemm hu faċli li plejer li jitla’ mis-sistema tan-Nursery tal-klabb jagħmel id-debutt mat-tim tal-kbar, u kemm hu faċli li jsir plejer li jilagħab b’mod regolari, speċjalment fil-livell ta’ Premier, jekk it-timijiet għandhom l-għażla li jilagħbu b’9 barranin?
Wieħed anke jagħti ħarsa lejn it-tim Nazzjonali fil-livelli ta’ Youths. It-tim ta’ taħt il-21 sena rnexxielhu jirbaħ partita waħda fis-sena 2024, kontra l-Belarussja fit-8 ta’ Ġunju minn tmien partiti li lagħbu. Jekk tħares lejn din l-istatistika, kif ukoll tara l-avversarji tal-Maltin, u tara anke t-tim Nazzjonali Malti, malajr tinduna x’inhi l-problema. Il-problema m’hijiex f’livell ta’ Youths, jew fl-istadju tal-iżvilupp tal-plejers, għax ta’ spiss nisimgħu b’suċċessi li kisbu t-timijiet Maltin fl-etajiet ta’ 14/15-il sena, madankollu l-problema hi li l-maġġoranza tal-plejers li jagħmlu parti mit-tim Malti ta’ taħt il-21 sena, ma jkollhomx l-opportunità li jkunu involuti mat-tim ewlieni, filwaqt li l-plejers tal-pajjiżi kważi kollha jilagħbu mal-ewwel skwadra.
Mhux sigriet li l-livell tan-Nurseries u l-livell tal-iżvilup tat-tfal Maltin huwa wieħed tajjeb, pero l-probema li wieħed isib meta jaħlaq it-18-il sena huwa li ma jibqax ikollu ċ-ċans li jesprimi ruħu u jilagħab ma’ plejers aħjar minnhu u jkun involut mat-tim ewlieni. In-nuqqas ta’ involviment taż-żgħażagħ Maltin fl-iskwadri ewlenin tal-Premier mhux biss qieghed inaqqas il-livell tal-futbol domestiku, iżda anke qed ikollu u se jkollu riperkussjonijiet kbar fit-tim Nazzjonali Malti ‘l quddiem.
//= $special ?>