Internazzjonali

Ċekja: xokk u luttu wara nirien qattiela f’ristorant

Il-Minstru tal-Intern ta’ Ċekja, Vit Rakusan, żar is-sit ta’ ristorant fejn seħħet splużjoni li swiet il-ħajja ta’ mill-anqas sitt persuni….Splużjoni li wasslet għan-nirien qattiela – bit-traġedja, fil-belt ta’ Most,  qed tkun imfissra bħala l-agħar li qatt seħħet fl-inħawi.

Ir-ristorant kien għadu miftuħ meta żbruffaw in-nirien ftit qabel nofs-il lejl tas-Sibt u bl-iskwadri għall-emerġenzi jdumu s-sigħat biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni – bil-fjammi jeqirdu parti sostanzjali tal-istabbiliment.

Is-servizzi għall-emerġenzi fuq il-post irreferew għal ċilindru tal-gass difettuż, b’numru ta’ nies jittieħdu l-isptar biex ikunu trattati għall-ġrieħi u bl-awtoritajiet jevakwaw lin-nies mir-ristorant u mill-bini fl-inħawi. Il-Pulizija, fl-aħħar sigħat  ħarġu wkoll bit-teorija li t-traġedja seħħet b’konsegwenza ta’ heater tal-gass li kien inqaleb għal xi raġuni.