Lokali

“Ħames snin ta’ frodi, korruzzjoni, skandli u tħanżir” – PN

Robert Abela
Abela jevita li jitkellem dwar dak li verament ikkaratterizza l-ħames snin li ilu Prim Ministru. Itenni li jrid jillimita d-dritt li jintalbu l-inkjesti, jiddefendi lil sħabu kollha li jinsabu akkużati b’irregolaritajiet

Il-ħames snin ta’ tmexxija ta’ Robert Abela kienu biss kontinwità ta’ dak li rajna qabel taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat – ħames snin ta’ frodi, korruzzjoni u tħanżir. Ma tistenniex aħjar minn min għamel patt imxajtan ma’ Prim Ministru li kien iddikjarat bħala l-Korrott tas-Sena. 

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn spjega li fil-verità Robert Abela qed imexxi Gvern li ilu kważi 15-il sena jmexxi lil dan il-pajjiż – tliet leġiżlaturi ta’ korruzzjoni, u tul it-tmexxija tiegħu spikkat il-kontinwità fuq ta’ qablu, li tiegħu kien konsulent qabel ħadlu postu.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-lista ta’ frodi li sirna nafu bihom f’dawn il-ħames snin għandha tħammar wiċċ kull min għandu farka diċenza u serjetà – il-frodi fil-benefiċċji soċjali, il-frodi fil-housing soċjali, il-frodi tal-karti tal-identità, il-frodi għall-eżamijiet għal-liċenzji tas-sewqan, il-frodi dwar iċ-ċitazzjonijiet tal-karozzi u l-frodi ta’ impjieg fantażma lill-ħabiba tal-Ministru. 

Fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni kollha pompa li fakkret il-ħames snin mill-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Abela pprova jnessina li huwa qed imexxi Gvern mifni b’każ wara l-ieħor ta’ frodi, korruzzjoni u tħanżir.     

Għall-kuntrarju, rajna lil Robert Abela f’Kordin – fejn mar jiċċelebra l-ħames anniversarju tiegħu – jerġa’ jgħidilna li jrid ibiddel il-liġijiet ta’ pajjiżna biex jillimita d-dritt ta’ dawk li jitolbu li ssir inkjesta biex issir ġustizzja. Abela jrid jillimita dan id-dritt għax huwa mwerwer li toħroġ il-verità li tkompli tikxef kemm il-Gvern tiegħu huwa maqbud f’morsa ta’ korruzzjoni b’Ministru wara l-ieħor jinqabad f’abbuż ta’ poter u tħanżir.

Għall-kuntrarju, illum Robert Abela qalilna li huwa kburi bit-tim tiegħu u li se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lil Silvio Schembri u Clint Camilleri. Il-Ministru għal Għawdex  Clint Camilleri għadu jagħmel parti mill-Kabinett ta’ Abela minkejja li kien involut fl-iskandlu tal-impjieg fantażma lis-sieħba tal-eks Ministru Clayton Bartolo. Fuq Schembri hemm talba biex jiġi investigat fuq unexplained wealth.

Illum Robert Abela reġa’ qalilna li qalbu tħabbat mal-poplu – l-istess poplu li qed iħallas minn butu għall-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern, l-istess poplu li għadu qed jistenna li jingħata lura l-€400 miljun li nsterqu minn ħalqu fid-deal frawdolenti tal-isptarijiet.    

Illum, meta Abela kien mitluf f’dagħdigħa sħiħa jattakka lill-Oppożizzjoni, kellu quddiemu lil Chris Fearne li huwa wieħed mill-persuni li jinsab akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mal-ftehim tal-isptarijiet. Kellu quddiemu  wkoll lil Justyne Caruana li kienet imkeċċija darbtejn mill-Kabinett fl-istess leġiżlatura u li llum taqla’ xejn inqas minn €15,000 fix-xahar minn erba’  kuntratti bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela.

Imma llum, fiċ-ċelebrazzjoni kollha pompa f’Kordin,  ma kienx hemm Konrad Mizzi – wieħed mill-ewwel persuni li Abela mar jgħannaq fiċ-ċelebrazzjoni tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ħames snin ilu – minkejja li konna diġà nafu dwar il-Panama Papers u 17 Black.     

L-inkjesta maġisterjali dwar 17 Black hija konferma oħra li l-Gvern Laburista huwa mifni bil-korruzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jżomm lil Robert Abela u lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni kontra dawk involuti f’dan l-iskandlu li wassal biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Din l-inkjesta u l-inkjesti maġisterjali l-oħra li għad iridu jiġu konklużi juru li, eżatt kif qal l-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Laburista Karmenu Vella fid-diskors tiegħu tal-lum qabel tkellem Abela, għall-Gvern Laburista: “il-kbir għadu ġej”.