F’sitwazzjoni ddisprata, l-Istati Amerikani oħrajn viċin ta’ Kalifornja qed jibgħatu l-iskwadri ta’ firefighters biex jgħinu lill-iskwadri ta’ dak l-Istat li qed jikkumbattu lin-nirien prinċipali. L-Istati li bagħtu l-firefighters lejn Los Angeles huma Texas, New Mexico, Colorado, Utah, Nevada, Arizona, Oregon u Washington – bil-Kanada u l-Messiku wkoll jibgħatu l-iskwadri biex jappoġġjaw din l-ħidma ta’ emerġenza.
Mifhum li fis-sigħat li jmiss se jaslu f’Los Angeles aktar skwadri għall-emerġenza flimkien ma’ tagħmir speċjalizzat għall-kontra n-nirien mill-Kanada…Dan meta r-reinforzi li qed jintbagħtu lejn iz-zoni ta’ periklu f’Los Angeles għandhom ukoll iserrħu xi ftit lill-firefighters ta’ Kalifornja li ilhom il-jiem jistinkaw bla heda biex irażżnu l-furja tal-fjammi li qerdu numru sinifikanti ta’ residenzi.
Il-Palisades Fire qed joħloq l-akbar inkwiet għall-awtoritajiet ta’ Kalifornja, bil-Gvernatur tal-Istat, Gavin Newsom, jikkonferma li mal-14,000 membru tas-servizzi għall-emerġenzi qed jippruvaw iwaqqfu l-firxa ta’ waħda mill-aktar nirien terribbli li qatt żbruffaw f’dan l-Istat.
In-nies evakwati miz-zoni ta’ periklu, bħalissa, qed jaslu fil-lukandi u fejn qed isibu l-prezzijiet għall-alloġġjar ferm aktar għoljin mis-soltu. Dan meta s-sidien tal-proprjetà – minkejja s-sitwazzjonijiet iddisprati tan-nies — ukoll qed jiltolbu ħlas enormi lil kulmin jipprova jikri kamra
Il-Pulizija f’Los Angeles, intant, arrestaw lil xi nies li ppużaw bħal firefighters bl-iskop li jisirqu l-affarijiet mid-djar abbandunati.
Il-Gvernatur Newsom u l-uffiċjali ta’ Los Angeles county, fl-aħħar sigħat, qalu li l-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, ma aċċettax l-istediniet biex iżur liz-zoni li ġarrbu l-agħar impatt tan-nirien. Newsom, politiku mal-Partit Demokratiku, qal li hu kien bagħat ittra lil Trump biex jiltaqa’ mal-Amerikani affettwati min-nirien waqt li jara x-xeni devastanti f’Los Angeles.
Żjara minn Trump f’dawn iz-zoni għandha tiffaċilita l-proċess biex l-għajnuna fuq livell federali tasal ukoll lin-nies ta’ Los Angeles.
Hawnhekk ukoll jista’ qed jilgħab parti l-element politiku u meta Donald Trump ma żammx lura milli jikkritika lil Newsom u lill-awtoritjiet ta’ Kalifornja dwar kif huma rreaġew għan-nirien qerrieda.
Il-President Amerikan-elett anki sejjaħ biex Newsom jirriżenja minn Gvernatur waqt li, minflok ta każ it-talbiet biex iżur iz-zona tad-diżastru, bagħat messaġġ fuq il-media soċjali biex jikkritika dik li hu sejjaħ bħala l-inkapaċità tal-awtoritajiet ikkonċernati biex jikkontrollaw l-aktar nirien katastrofiċi fl-istorja tal-Istati Uniti.
//= $special ?>