Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: L-ewwel rebħa ta’ Valletta fl-istorja

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Hibernians 69

Caffè Moak Luxol 81

(21-34)(18-11)(9-23)(21-13)

Caffè Moak Luxol komplew bil-mument posittiv tagħhom fejngħelbu lil Hibernians 81-69 biex saħħew it-tieni post fil-klassifika. B’wirja oħra mill-aqwa tal-Amerikana Brandi Lynn Huffhines u players bħal Vanya Baldacchino u Anna Fenech Pace, Luxol kienu fil-kontroll tista’ tgħid tul il-partita kollha. Luxol kienu mingħajr Lisa Fenech Pace u Sarah Sciberras. Il-partita fetħet bil-punti ta’ Huffhines li fit-tieni attakk għamlet l-ewwel trippla tagħha minn total ta’ 6. Hibs wieġbu permezz tal-Amerikana Ashiala Jackson u Steffi De Martino però Luxol kellhom aktar trippli minn Josephine Diaby u Huffhines. Il-punti komplew ġejjin b’mod regolari speċjalment minn naħa tal-vjola li temmew is-sessjoni 34-21 minn fuq. Fit-tieni perjodu wara trippla oħra minn Huffhines, Hibs kellhom mument tajjeb speċjalment permezz ta’ Andie Saliba li kellha 8 punti konsekuttivi biex naqqset id-distakk. Wara risposta ta’ Luxol minn A. Fenech Pace, Hibs għalqu l-perjodu bil-punti ta’ Jackson u Maria Bonett però Luxol kienu għadom fil-vantaġġ 45-39 hekk kif għalqu l-perjodu b’buzzer beater ta’ A. Fenech Pace.

It-tielet taqsima kienet fil-kontroll tac-champions li rebħuha 23-9 fejn bdew jikkombninaw tajjeb b’sensiela ta’ passes meqjusa għal gradiment tal-coach Roderick Vella. Huma kellhom ukoll run ta’ 10-2 li rathom jiftħu vantaġġ ta’ 20 punt li żammew sa’ tmiem il-perjodu 68-48. Fl-aħħar perjodu kien hemm tentattiv ta’ rimonta minn naħa ta’ Hibs b’sensiela ta’ trippli minn Saliba, De Martino u Kaya Calleja però Luxol ukoll kellhom it-three pointers tagħhom minn Huffhines u Baldacchino. Hibs għalqu l-partita b’run ta’ 11-0 li serviet biss biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli hekk kif Luxol ħarġu rebbieħa 81-69.

Hibernians: M. Buhagiar, E. Farrugia, S. Vella 2, E. Cassar, A. Saliba 19, M. Bonett, S. De Martino 19, K. Calleja 6, N. Farrugia, A. Jackson 12, K. Caruana, J. Dabic 7.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, M.Marmara, N. Vella, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 8, J. Diaby 12, B. Huffhines 30, V. Baldacchino 16, R. Fenech Pace, R. Naudi, A. Fenech Pace 15.

Referees: Miguel De Flavia, Nicky Azzopardi.

Starlites JSD 61

Betsson Depiro 77

(16-24)(19-22)(13-17)(13-14)

Depiro wieġbu għar-rebħa ta’ Luxol b’rebħa importanti kontra Starlites JSD f’logħba li kienet iddominata minn runs kruċjali u prestazzjonijiet eċċellenti ta’ Kristy Galea u Janai Crooms fost l-oħrajn bl-Amerikana tispiċċa b’37 punt u 19 -il rebound. Minkejja sforzi ta’ Starlites, b’mod speċjali minn Makaila Napoleon u Sasha Lecuyer, Depiro żammew kontroll sħiħ tal-logħba biex assiguraw ir-rebħa tagħhom. Depiro fetħu tajjeb grazzi għal Crooms u Galea, bi trippla u diversi punti f’run ta’ 16-6. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Napoleon u trippla ta’ Ylenia Bonett, qabel ma Depiro kellhom aktar puntu ta’ Crooms u trippla ta’ Nicole Agius biex l-ewwel sessjoni għalqet b’Depiro fuq quddiem 24-16. Fit-tieni perjodu, Starlites ippruvaw jirkupraw bil-punti ta’ Napoleon, li kellha trippla flimkien ma’ Philippa Riolo biex naqqsu d-distakk għal 3 punti 23-26. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin madankollu, Depiro reġgħu ħadu r-riedni tal-logħba grazzi għal run ta’ 11-5 biex żiedu l-vantaġġ tagħhom sal-intervall 46-35.

Starlites ippruvaw jirkupraw fil-bidu tat-tielet taqsima bi trippla kmieni minn Michela Zammit Cordina. Depiro però komplew iżidu l-vantaġġ tagħhom b’run ta’ 12-2, b’sensiela ta’ punti minn Crooms flimkien ma’ Claire Ciantari Julia Borg. Starlites kellhom break qasir ta’ 8-0 bi trippla ta’ Lecuyer però Depiro għamlu l-aħħar ħames punti, kollha minn Crooms għal skor ta’ 63-48. L-aħħar taqsima fetħet b’aktar punti fuq iż-żewġ naħat biex sar-raba’ minuta il-vantaġġ ta’ Depiro baqa’ ta’ 18 -il punt 69-51. Lecuyer għamlet trippla oħra għal Starlites però Crooms kompliet għaddeja bil-punti tagħha biex Depiro baqgħu jikkontrollaw il-partita sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 77-61.

Starlites JSD: S. Lecuyer 11, M. Riolo 2, C. Cilia 1, P. Riolo 4, M. Zammit Cordina 7, E. Degiorgio, M. Fenech, M. Napoleon 22, Y. Bonett 8, F. Vella 2, S. Tabone, C. Curmi 4.

Betsson Depiro: K. Fenech Ismael, Ni. Agius 3, J. Borg Xerri, No. Agius, C. Ciantar 8, J. Borg 7, M. Micallef, N. Borg 4, K. Galea 16, J. Borg Cardona 2, H. Farag, J. Crooms 37.

Referees: Gordon Barbara, Nelson Da Silva.

Athleta 52

Valletta Lioneses 61

(15-17)(14-17)(7-11)(16-16)

It-team ta’ Valletta Lioneses kisbu l-ewwel rebħa storika tagħhom fil-basketball femminili meta għelbu lil Athleta 61-52 b’wirja difensiva qalbiena u kontribut ieħor mill-aqwa tal-internazzjonali Ukrena Olesia Malashenko. Valletta kienu mingħajr Milica Stefanovic u Adriana Caballero però lagħbet għall-ewwel darba l-player Sarah Kankaras. L-istess player għamlet l-ewwel basket tal-partita bl-Athleta jwieġbu bil-punti tal-Amerikana Kennedi Williams u Laura Camilleri. Valletta kellhom il-punti ta’ Taisiia Nikishina u Olesia Malashenko però Francesca Sant għamlet trippla għall-Athleta biex ħalliethom fuq quddiem. Valletta kellhom mument tajjeb bi 8 punti mingħajr risposta bi trippli ta’ Kankaras u Malashenko. Athleta ġew lura fosthom b’buzzer beater ta’ Nicole Vella iżda Valletta temmew l-ewwel sessjoni 17-15 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Valletta komplew b’run ta’ 10-4 b’aktar punti minn Malashenko u marru 27-19 minn fuq. Williams wieġbet għall-Athleta qabel ma Kankaras għamlet it-tieni trippla tagħha. Athleta waslu sa’ basket ‘l bogħod wara punti minn Williams però basket minn Molashenko għalaq is-sessjoni fuq skor ta’ 34-29.

Valletta fetħu vantaġġ ta’ 10 punti fir-raba’ minuta tat-tielet taqsima 41-31 wara trippla oħra minn Kankaras u punti ta’ Malashenko. Athleta sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti tant li kellhom jistennew sat-tmien minuta biex għamlu żewġ free-throws minn Vella. Però eżatt ma’ tmiem it-taqsima trippla ta’ Kaya Abela naqqset id-distakk mill-ġdid 36-45. Fl-aħħar taqsima, Athleta tħabtu biex jidħlu fil-partita u trippla ta’ Britney Agius u punti ta’ Williams naqqsulhom id-distakk għal sitt punti 42-48. Hawn però Valletta rkupraw b’sitt punti mingħajr risposta u minkejja l-aħħar sforz minn Athleta speċjalment ta’ Williams, Valletta ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 61-52.

Athleta: K. Williams 28, B. Agius 2, M. Ferrante, N. Vella 7, M. Cassar Pickard, F. Sant 3, A. Micallef, J. Cipriott 4, Ke. Abela 2, C. Caruana, Ka. Abela 3, L. Camilleri 3.

Valletta Lioneses: A. Parnis 2, S. Abugrin 4, N. Caruana, M. Momcilovic 4, M. Mifsud, A. Nikishina 5, H. Grixti, T. Nikishina 6, S. Kankaras 11, O. Malashenko 29.

Referees: Miguel De Flavia, Nestor Rincon.