“L-Inkjesta ta’ 17 Black għandha tiġi ppubblikata minnufih bil-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ġlieda favur il-verità.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-ewwel attività politika tas-sena 2025 li saret il-Ħadd filgħodu fin-Naxxar fejn għal darb’oħra appella sabiex l-Inkjesta 17 Black tiġi ppubblikata minnufih għaliex il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt jkun jaf il-verità kollha. Dan apparti li saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem favur il-verità u favur dak li huwa tajjeb għal pajjiżna.
Matul id-diskors tiegħu Bernard Grech qal li kull ġimgħa nisimgħu bi skandlu ġdid fejn eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi jintefqu f’konsulenzi għal persuni li mhumiex kwalifikati għalihom u għalhekk sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għall-ġid tal-poplu għaliex huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qiegħed iħoss il-polz tal-poplu kollu.
Qal ukoll li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa mifni bl-iskandli li għalihom qed ibati l-poplu Malti u Għawdxi b’numru ta’ setturi jinsabu għarkubbtejhom fosthom l-isptar, l-edukaturi kif ukoll il-Gżira Għawdxija. Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela nesa lill-Għawdex filwaqt li fakkar li l-isptar ġdid f’Għawdex ma nbena qatt dan apparti li l-Għawdxin għadhom mingħajr ir-raba’ favur u minflok qed ikollhom jagħmlu użu minn vapur second hand.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li ftit tax-xhur ilu nieda l-proċess konsultattiv b’rabta mal-manifest elettorali bil-għan li jkun hemm proposti li verament jindirizzaw il-bżonnijiet tal-poplu – manifest li għalih huwa responsabbli l-Akkademiku George Vital Zammit. Hawnhekk, Bernard Grech ħeġġeġ lill-poplu sabiex jsemma’ leħnu bil-għan li l-proposti jirriflettu l-għajta tal-poplu għall-bidla.
Bernard Grech saħaq li m’hemmx kwalità fid-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern Laburista u kaġun ta’ dan in-nuqqas qed ikompli jbati l-poplu jum wara l-ieħor.
//= $special ?>