Lokali

Wara 12-il jum: L-erba’ ljuni u pantera għadhom maqbudin f’razzett fin-Naxxar

L-erba’ ljuni u pantera li nstabu f’razzett fin-Naxxar nhar l-ewwel tas-sena għadhom fl-istess post sal-lum stess.

Dan għax il-Gvern ma għandu l-ebda post fejn ipoġġihom. Net News tkellem mill-ġdid ma’ Daryll Grima l-producer tal-programm ‘Vuċi Għall-Annimali’, u Althea Galea, il-preżentatriċi ta’ dan il-programm, iż-żewġ persuni li żvelaw din l-aħbar li ħalliet bosta irrabjati għall-fatt kif dawn l-annimali tħallew abandunati f’post li mhux xieraq għalihom.

L-attivista tal-annimali spjegatilna li kien hemm ħafna nies li ħadu interess biex ikunu jistgħu jgħinu lil dawn l-annimali, hekk kif dawn l-annimali issa ma ħaqqhomx li jmorru f’zoo biex in-nies joqogħdu jieħdu r-ritratti magħhom, imma ħaqqhom imorru f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni.

Minn naħa tiegħu, Darryl Grima stqarr li għalkemm iddispjaċut b’din is-sitwazzjoni, mhuiex sorpriż.

L-attivist qalilna wkoll li numru ta’ NGO’s talbu biex issir laqgħa mal-Ministru responsabbli mill-annimali biex madwar medja jiddiskutu l-urġenza ta’ din is-sitwazzjoni.

Il-laqgħa se tkun qed issir fit-22 ta’ Jannar.