Lokali Qorti

Awla ġdida fil-Qorti li ma tiffunzjonax… apparat tar-recording ma jaħdimx

Id-diżastru li qed jesperjenzaw il-ġudikanti, il-ħaddiema tal-Qorti u l-pubbliku huwa bla limitu. Il-frustazzjoni hija waħda kbira minħabba li l-problemi dejjem qed jakkumulaw. Awla ġdida li tinsab fit-tielet sular u li suppost kellha ssolvi diversi problemi qed toħloq iktar għax mhijiex tiffunzjona.

Awla numru 29 suppost kellha tkun attrezzata għall-ġurijiet, imma wara li ilha x-xhur lesta qed jirriżulta li lanqas biss hija tajba għal kawżi normali. Konferma ta’ dan hi li fil-jum tat-Tnejn, apparat tar-recording li suppost huwa ġdid lanqas biss ħadem.

Seduta fl-awla l-gdida se jkollha terġa’ ssir. Dan wara li ghexieren ta’ xhieda se jkollhom jerġgħu jixhdu għax ir-recording ma ħadimx! U din ma kenitx l-ewwel darba! Awla li suppost kellha tintuża għall-ġurijiet fejn lanqas hemm spazju biżżejjed għall-ġurati kollha.

Lanqas għall-midja biex jirrapportaw il-każ ma hemm spazju adekwat. M’hemmx ukoll attrezzaturi biżżejed bħal plakkek u użu ieħor importanti u dan meta ninsabu fis-sena 2025. Il-ġudikanti, il-ħaddiema tal-Aġenzija tal-Qorti u l-pubbliku inġenerali ilu jiġi mwieġħed awli ġodda u ta’ kwalità.

Imma sa issa xejn. Mhux ta’ b’xejn ħafna mill-ħaddiema tal-Aġenzija tal-Qorti qed jirreżenjaw mill-impieg tagħhom. Dan apparti s-sens ta’ apatija li hemm fost il-ħaddiema. Dwar din l-awla l-ġdida mhux ta’ b’xejn il-management tal-Qorti donnu li qed jiddejjaq jinawguraha.

Il-Qorti t-Tnejn waslet f’punt li kellha tivverbalizza li diversi seduti diġà tħassru u dan tort l-inkompetenza ta’ min qed imexxi.  Qabel mal-awla tlestiet saret ħafna pompa dwarha fejn ingħad kemm-il darba li din se tkun attrezzata b’mod partikolari għall-ġurijiet.

Ingħad li m’hemmx għalfejn ġudikant jieħu l-bidu tax-xahar u mħallef ieħor jieħu n-nofs tax-xahar l-ieħor u jekk ikun hemm overlap – għax ġuri jdum – se jkun hemm problema. Għax kellu jkun hemm il-faċilità li jsiru żewġ ġurijiet fl-istess perjodu f’żewġ awli differenti. “Allura hekk inkunu qed insolvu dik il-problema u kull imħallef ikun jista’ jagħmel aktar minn ġuri wieħed f’xahar,” hekk kienet il-wegħda tal-Gvern, li sfortunatament baqgħet fuq l-ixkaffa.