L-Eks Ministru Laburista Clayton Bartolo baqa’ jsostni li kien għamel biss żball fil-każ tal-konsulenza fantażma tal-mara tiegħu fl-ammont ta’ €70,000 u fil-Parlament illum spiċċa jattakka lill-PN.
Fil-Parlament, Clayton Bartolo llum għamel dik li kellha tkun apoloġija formali kif ordnat mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u wara li l-Kummissarju għall-Istandards kien sab lilu u lill-Ministru Clint Camilleri ħatja li kisru l-kodiċi ta’ etika tal-ministri meta l-mara tal-Eks Ministru Bartolo kienet ingħatat konsulenza fantażma ta’ €70,000 mal-Ministeru għal Għawdex.
Fid-diskors ta’ apoloġija tiegħu Clayton Bartolo qal li meta kien appuntat fil-Kabinet ftit ħaseb dak li kellu jgħaddi minnu l-pajjiż, partikolarment il-COVID. Aktar tard, hu kien maħtur Ministru tat-Turiżmu f’perjodu diffiċli. Hu semma’ l-ħidma li kien għamel fil-kuntest tal-konnettività turistika biex is-settur jerġa’ jissaħħaħ.
Filwaqt li ammetta, hu mhux perfett, hu qal li se jħalli r-riżultati jitkellmu weħidhom. Hu semma’ r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar il-każ tal-mara tiegħu u qal li hu kien qed joqgħod għal kull deċiżjoni meħuda. Il-verità hi li wara li ħareġ ir-rapport hu ma kellu l-ebda problema li jitlob apoloġija sinċiera u għalkemm ma jaqbilx għal kollox mar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, xorta jirrispettah.
Clayton Bartolo qal li l-PN kien attakka lill-Kummissarju għall-Istandards u sostna li waqt li hu qed jagħmel apoloġija, ma kinux issemmew frodi jew miżapprorijazzjoni fit-rapport tal-Kummissarju.
L-Eks Ministru Laburista qal li fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti ħadd ma kien jassumi responssabbiltà għal xi każi u kompla li fuqu kienu saru attakki personali tant li anki żebilħu lill-familja tiegħu. Il-politiku hi vokazzjoni, sostna Clayton Bartolo.
Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthoy Sammut staqsa jekk il-Ministru Clint Camilleri għandux xi apoloġija li jagħmel dwar dan il-każ, iżda l-Ministru Camilleri telaq mill-Parlament proprju eżatt kif tkellem Mark Anthony Sammut.
//= $special ?>