Lokali

Għal darb’oħra l-Ministru Abela huwa żbaljat – MAM

It-tifsira ta’ diskussjoni għall-Ministru Abela hija waħda fqira – li jippreżenta dak li kien diġà deċiż u jieqaf hemm, u ma jikkonsidra l-ebda kritika jew nuqqas ta’ qbil – mhux diskussjoni.

Dan sostnietu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) fejn insistiet li f’aktar minn okkażjoni waħda l-istess Ministru kkritika lill-MAM b’mod pubbliku għaliex ma taqbilx ma’ dak li jiddetta hu.

Dan saħqitu b’reazzjoni għal dak li l-Ministru JoEtienne Abela qal mal-ġurnalisti aktar kmieni fejn akkuża lill-MAM li qed tigdeb meta qalet li ltaqa’ magħha darba biss fl-aħħar 12-il xahar.

Hawnhekk, il-MAM ippreżentat rendikont ta’ kif u meta ltaqgħet mal-Ministru biex tiddiskuti.

Ġie spjegat li fis-27 ta’ Frar, 2024 ma ġie diskuss xejn għaliex kienet laqgħa ta’ kortesija; u fil-15 ta’ Mejju l-Ministru, dejjem skont il-MAM, ippreżenta powerpoint presentation, u ma saret l-ebda diskussjoni.

Fit-2 ta’ Settembru, il-Ministru ma attendiex laqgħa li suppost kellu mal-MAM, minflok tfaċċa l-assistent personali tiegħu għal meeting ta’ 10 minuti.

Il-MAM spjegat li fit-12 ta’ Novembru hija infurmat lill-isptarijiet privati li l-Ministru kien legalment marbut li jkollu bżonn kunsens bil-miktub mingħand l-istess Assoċjazzjoni qabel ma jidħol f’public private partnership.

Aktar tard filgħaxija kellhom laqgħa ta’ malajr mal-Ministru fejn kien ikkaratterizzat qalb ħafna għajjat wara li qalu li b’rabta mal-PPP tal-IVF fil-privat kien qed jonfoq 5 darbiet aktar.

L-Assoċjazzjoni saħqet li barra minn xtutna dan is-servizz jiswa €2,000 mhux €10,000 bħalma qal li qed jiswa. Kien hawn li skont il-MAM, il-Ministru sabbat żewġ irċevuti fuq il-mejda bis-Segretarju Permanenti xhud. Ironikament dawn l-irċevuti kienu qed jammontaw għal €20,000-il waħda u mhux ta’ €10,000.

Wara dan l-episodju, il-MAM saħqet li ma kienx hemm diskussjoni oħra.