L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tigdeb.
Sostna dan il-Minsitru JoEtienne Abela meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar il-fatt li l-MAM qed tinsisti li l-Ministru mar kontra dak miftiehem bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni.
Fi stqarrija li ħarġet is-Sibt, il-MAM insistiet li ltaqgħet mal-Ministru Abela darba biss fl-aħħar tnax-il xahar. B’Abela jgħid li kienu jafu x’se jiġri għaliex anke fuq it-televiżjoni kienet diskussa din il-kwistjoni tal-pazjenti li se jingħataw servizz minn sptarijiet oħrajn.
Il-MAM ikkundannat bl-aktar mod iebes il-fatt li l-Gvern wasal fi qbil ma’ sptarijiet privati biex pazjenti mill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei jiġu trasferiti lejn dawn l-isptarijiet biex jittaffa’ l-piż fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Dan għaliex l-Assoċjazzjoni qed tisħaq li l-Gvern għamel dan mingħajr ma kkonsultaha; minkejja li l-istess Gvern kien qabel mal-MAM li kien se jkun qed jinformaha b’mod sħiħ dwar kull private public partnership u li dan għandu jseħħ bil-kunsens tal-MAM.
Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Abela saħaq li dawn kienu ċirkustanzi speċjali hekk kif ammetta li l-Isptar Mater Dei jinstab fi stat ta’ emerġenza bl-influss qawwi ta’ pazjenti.
Dan filwaqt li baqa’ jinsisti li din mhux kwistjoni ta’ trasparenza għax minkejja l-qbil saħaq li hemm kuntratti li lesti juruhom u hemm le, bil-MAM tistaqsi għalfejn dan il-ħabi kollu?
Il-Gvern iffirma dan il-ftehim mal-MAM b’mod partikolari wara t-taħwida u l-frodi li sar fil-PPP bejn il-Gvern u l-Vitals u Steward Healthcare.
Il-MAM qed tisħaq li hija kompletament fil-għama dwar x’se jsir u kif se jaħdem dan il-partnership hekk kif s’issa l-informazzjoni li ngħatat mhijiex bil-miktub.
Intant, il-Ministru spiċċa ammetta l-kriżi li hemm fl-Isptar Mater Dei; kriżi li qed twassal biex pazjenti jispiċċaw f’kuriduri u teatri li suppost joperaw fihom.
Dan kollu seta’ jiġi evitat faċilment li kieku l-Gvern tal-Labour ġab saħħet u l-interessi tal-poplu l-ewwel… u mhux daħħalna fl-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna ma’ Vitals u Steward.
//= $special ?>