Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru jammetti li s-saga mal-MUT dwar l-MCAST damet wisq

Fil-jiem li ġejjin mistenni jintlaħaq qbil

Id-diżgwid fl-MCAST bejn l-MUT u l-Gvern mistennija jiġu riżolti fil-jiem li ġejjin.

Dan ġie kkonfermat ma’ Net News kemm mill-Ministru Clifton Grima kif ukoll mill-President tal-MUT Marco Bonnici wara xhur u ġimgħat sħaħ ta’ direttivi minn naħa tal-letturi tal-MCAST – għad-detriment mhux biss tal-istudenti imma anke tal-letturi nfushom.

L-edukaturi qed jitolbu żieda fil-paga bħalma żdiedu għalliema oħrajn. U t-Tnejn filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Grima fiex waslu t-taħdidiet hekk kif issa wasalna għall-aħħar tal-ewwel semester, u s-sitwazzjoni fuq il-karta għadha koppi.

Bil-Ministru jisħaq li għad iridu jaraw kif se jikkonkludu t-taħditiet.

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti x’qed iżomm dan il-ftehim milli jintlaħaq, il-Ministru ta x’jifhem li fil-qalba tiegħu l-aktar li qed jispikka kien in-nuqqas ta’ qbil finanzjarju – bl-ironija li għan-nies qrib tal-Gvern ta’ Robert Abela, qatt ma nstabet problema li tiżdidilhom il-paga bl-eluf ta’ ewro iżda mal-letturi għażel li jimpika.

Finalment, l-istess Ministru ammetta t-tkaxkir tas-saqajn u l-falliment f’dawn it-taħditiet minn naħa tal-Gvern – bi Grima jgħid li damu wisq.