Emendi li jikkonfermaw pożizzjoni ċara favur ir-rispett lejn l-uniformi tal-korpi ta’ pajjiżna
Fl-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista ma naqasx milli jieħu pożizzjoni ċara favur ir-rispett lejn l-uniformi tal-korpi ta’ pajjiżna – b’rispett lejn ir-rwol tagħhom ta’ infurzar, kif ukoll lejn is-sagrifiċċji fis-servizz li jagħtu għall-pajjiżna.
Dan saħqu x-Shadow Minister Darren Carabott li spjega li iżda l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel dan anke fil-prattika – billi jressaq emendi għall-Abbozz ta’ Liġi dwar żieda fil-pieni u l-multi għal min iwettaq reat vjolenti fuq uffiċjal pubbliku.
F’dawn l-emendi li se jkun qed iressaq quddiem il-Kumitat tal-Abbozzi, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi:
1. Li kull persuna li tinstab ħatja ta’ reati ta’ vjolenza fuq uffiċjal pubbliku ma tkunx tista’ titlob li titneħħa s-sentenza tal-Qorti online għal perjodu ta’ 10 snin minn meta tinstab il-ħtija
2. Li l-Qorti tkun tista’ toħroġ ordni ta’ servizz lill-komunità (community work) bla ħlas, flimkien u b’żieda mal-piena li tingħata, liema servizz lill-komunità ikun jista’ jinkludi li l-persuna tiġi assenjata mal-entità ta’ servizz pubbliku li l-vittma kien inkarigat magħha
3. Li fl-uniku każ li tingħata l-probation, u ċioè reat taħt Artiklu 95 tal-Kodiċi Kriminali, din tibda tiġi tidher fuq iċ-ċertifikat tal-kondotta.
Dawn il-miżuri li qed iresssaq quddiem il-Parlament il-Partit Nazzjonalista huma turija tas-sens ta’ retribuzzjoni għal reat fuq uffiċjali pubbliċi, kif ukoll turija tal-bżonn ta’ aktar miżuri riformatorji fil-liġi tagħna.
Filwaqt li diġà ddikjara fil-Parlament li hu favur żieda fil-pieni u l-multi għal min iwettaq reat vjolenti fuq uffiċjal pubbliku, il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li dawn il-proposti huma konsistenti ma’ dawk li diġà ressaq quddiem il-Parlament fil-passat – sew bl-Abbozz 97 li tressaq fl-2011 matul il-Ħdax il-Leġislatura, kif ukoll bl-Abbozz 25 li tressaq fis-sena 2013.
Il-Partit Laburista, madanakollu, aċċetta biss li jsegwi dan il-ħsieb snin twal wara, u wara li nqalgħu inċidenti li ġibdu l-attenzjoni tal-pajjiż kollu.
//= $special ?>