Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra, l-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jibdew il-laqgħat dwar bidliet fir-regoli ta’ kif jaħem il-Parlament u biex il-gvern iresssaq il-private members bills li ressqu diversi deputati Nazzjonalisti.
Il-laqgħa kienet preseduta mill-Ispeaker Anglu Farrugia, għall-Gvern ipparteċipaw id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministru Byron Camileri u l-Whip Naomi Cachia waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u l-Assistent Whip Paula Mifsud Bonnici.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li resqin lejn it-tielet sena biex issir diskussjoni dwar aġġornament fl-istanding orders tal-Parlament. L-Oppożizzjoni mhijiex tkun konsultata dwar dwn il-laqgħat u qed tistenna li l-private members bills imressqa mill-Oppożizzjoni jitressqu għall-ewwel qari, sostna Robert Cutajar, li kompla li bl-atteġġjament tiegħu l-Gvern qed jinorja lill-Kamra. Uħud minn dawn l-abbozzi mhumiex kontroversji fosthom dwar l-ambjent u l-ħela tal-ikel, qal il-Whip tal-Oppożizzjoni, li spjega li lanqas l-ewwel qari għadu ma sar.
Id-Deputat Prim Ministru u Kap tal-Kamra Ian Borg qal li hu informat li kien twaqqaf kumitat bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jiddiskuti l-bidliet fir-regoli tal-Parlament iżda dan ma ltaqa’ qatt. Robert Cutajar ikkonferma li dan il-kumitat qatt ma ltaqa’. Il-Ministru Ian Borg kompla li d-direzzjoni tal-gvern hi li l-kumitat jitlaqqa’ u appella liż-żewġ whips biex ilaqqgħu dan il-kumitat.
L-Assistent Whip Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Oppożizzjoni hi sodisfatta li l-Gvern qed jgħid li mhux se joħloq problemi biex jiltaqa’ l-kumitat iżda kellu jkun il-Gvern li jresssaq il-proposti tiegħu iżda dawn qatt ma ġew.
Dwar il-private members bills, il-Ministru Ian Borg staqsa jekk l-Oppożizzjoni tistax tuża l-ġurnata tal-Ħamis, b’Robert Cutajar isostni li l-Gvern għadu lanqas biss ressaqhom għall-ewwel qari u għalhekk ma tistax issir diskussjoni.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-Oppożizzoni għandha l-ġurnata tal-Ħamis għall-private members bills u sostna li jekk l-Oppożizzjoni għandha abbozz għad-diskussjoni, il-Gvern lest li jpoġġih fl-ewwel qari.
Robert Cutajar qal li l-Parlament Malti jimxi fuq il-Parlament Ingliż u staqsa jekk il-Gvern hux qed jimxi bl-istess mod għaliex qed jirriżulta ċar li dan mhuwiex isir.
//= $special ?>