Lokali Qorti

Il-Qorti tordna lill-Prim Ministru u lil martu biex iwaqqaf ix-xogħol fil-lukanda tiegħu f’Għawdex wara l-ilment minn ġar

Il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Simone Grech, ħarġet mandat ta’ inibizzjoni b’mod temporanju kontra l-Prim Ministru Robert Abela u martu, u waqqfet ix-xogħol fuq il-farmhouse tagħhom tax-Xewkija, li se tinbidel f’boutique hotel.

L-ordni tal-Qorti waslet fuq talba li għamel Carmel Attard, ġar ta’ 72 sena li għandu l-farmhouse biswit il-propjetà tal-Prim Ministru. Attard qal li Robert Abela u martu, Lydia, qed jiksru d-drittijiet tal-proprjetà tiegħu billi żarmaw ħajt komuni bejn iż-żewġ residenzi u jippjanaw li jibnu fil-konfini tal-proprjetà tiegħu.

Huwa talab lill-Qorti biex toħroġ ordni li tipprevjeni lill-Prim Ministru u lil martu milli jkomplu bil-pjanijiet tagħhom u talabhom jibnu mill-ġdid il-ħajt kif kien oriġinarjament. Il-Maġistrat Grech laqgħet it-talba temporanja, u ordnat li jitwaqqaf ix-xogħol kollu li kien għaddej sakemm jinstema’ l-każ aktar tard dan ix-xahar.

Attard ilu diversi xhur f’kunflitt mal-koppja. Huwa kien imdejjaq b’mod partikolari meta l-kuntrattur, Vella Brothers Ready Mix Ltd, magħrufa bħala Tal-Malla, beda jżarma l-ħajt mingħajr il-permess tiegħu, li wassal biex jibda azzjoni legali kontra l-koppja. Hu mifhum li kien hemm xi “battibekki żgħar” minħabba l-aġir tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu akkwistaw il-farmhouse f’Għawdex ta’ 500 metru kwadru fl-2012 għal €268,000, u għal diversi snin ma saru l-ebda rinnovamenti kbar. Wara li sar Prim Ministru fl-2020, Abela rċieva għotja tal-gvern permezz tal-Iskema ‘Irrestawra Darek’, għotja tal-gvern immirata għar-restawr ta’ residenzi tradizzjonali.

Fl-2022 u l-2023, il-koppja Abela xtraw għelieqi ħdejn il-propjetà tagħhom permezz ta’ żewġ atti separati, u kabbru l-footprint tal-farmhouse tagħhom b’1,500 metru kwadru addizzjonali għal spiża totali ta’ €315,000.

Fl-2023, Lydia Abela ressqet applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp biex il-farmhouse tinbidel fi guesthouse li fiha tmien kmamar tas-sodda doppji, zona ta’ reception u lounge, kamra għall-kolazzjon, kantina b’gymnasium u kantina tal-inbid, pixxina kbira fil-beraħ, u ġonna pajsaġġi.

Dan wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal residenza, li ppermettiethom jibbenefikaw mill-iskema tal-gvern għar-restawr ta’ djar tradizzjonali. L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess, li jinkludi wkoll estensjoni sinifikanti għall-ewwel sular tal-bini.