Internazzjonali

In-nirien f’Los Angeles: Minn tal-inqas 24 mejta u mijjiet ta’ persuni nieqsa

In-numru ta’ persuni mejta fin-nirien devastanti ta’ Los Angeles, dejjem qed ikompli jiżdied. L-awtoritajiet issa qed jgħidu li huma minn tal-inqas 24 li sfaw mejta, b’mijiet ta’ persuni jisfaw nieqsa.

Jirriżulta li l-pumpiera rnexxielhom jikkontrollaw xi nirien fosthom il-Lidia, Kenneth u Sunset Fires, għaliex ir-riħ estrem li ħakem Los Angeles naqas.

Iżda, rapporti internazzjonali qed jispjegaw li t-tbassir tat-temp juri li matul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, ir-riħ se jkun qed jerġa’ jiżdied u għaldaqstant se jkun ta’ periklu għal aktar nirien. Huwa għalhekk li wieħed jistenna aktar rapporti devastanti matul il-ġurnata tat-Tnejn.

Sa issa jidher li huma aktar minn 12,000 struttura li sfaw meqruda minħabba n-nirien ta’ Eaton u Palisades, b’dawn in-nirien jiġu kkunsidrati bħala l-aktar nirien distruttivi fl-istorja ta’ Kalifornja.

Matul il-ġurnata tal-ħadd kienu aktar minn 14,000 uffiċjal tal-emerġenza li ssieltu man-nirien, b’numru ta’ stati oħra bħal Messiku u l-Kanada jipprovdu l-għajnuna tagħhom lil din il-belt.

Jidher ukoll li huma aktar minn 100,000 resident li għadhom taħt evakwazzjoni mandatorja.