Lokali

Inkjesta tinsisti li ‘risk assessment’ irid isir fuq kull rapport ta’ vjolenza domestika

"Hemm bżonn jiżdiedu l-Maġistrati"

Jeħtieġ li jkun hemm aktar riżorsi biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, u li fuq kull rapport isir ‘risk assessment’.

Dawn huma biss uħud mid-diversi rakkomandazzjonijiet li saru lill-Gvern wara li ġiet konkluża Inkjesta interna li kien talab il-Ministeru ta’ Michael Falzon.

Dan ir-rapport kien sar wara li fis-sajf li għadda pajjiżna kien ixxukjat bl-aħbar tal-qtil ta’ Nicolette Ghirxi fis-Swatar, u d-dinamika kollha wara dan il-każ. Il-Pulizija kienet ikkonfermat li fil-każ ta’ Ghirxi ma sarx ‘risk assessment’.

Fl-aħħar ġranet il-Ministeru tal-Politika Soċjali kien ippreżenta dan l-istess rapport fl-intier tiegħu lill-familjari ta’ Nicolette Ghirxi u bi qbil mal-istess familja, ippubblika r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport.

Il-konklużjonijiet tal-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano huma wkoll ċamata fuq l-operat tal-Gvern, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Qrati. Fil-fatt, l-Inkjesta tisħaq li “hemm bżonn jiżdiedu l-Maġistrati”, u sakemm dan isir jeħtieġ li l-kawżi ta’ vjolenza domestika jitqassmu bejn Maġistrati oħrajn. “Dawn il-każi ma jistgħux jistennew”, qal Quintano fir-rapport tiegħu.

Il-konklużjonijiet tal-Inkjesta jinsistu wkoll li għandu jkun hemm helpline għall-vittmi u li għandu jkun hemm aktar servizzi ta’ psikjatri u psikologi. Dan, flimkien ma’ kampanji ta’ għarfien li jkunu b’saħħithom.

Fuq kollox, qed ikun rakkomandat li jitwaqqaf Kumitat li jħares b’serjetà lejn din il-pjaga tal-vjolenza domestika, u li jkun jinkludi fih rappreżentanza mill-Korp tal-Pulizija, mill-amministrazzjoni tal-Qorti, u mis-servizzi soċjali.