Kultura Lokali

Jitħabbar il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 u titnieda l-edizzjoni tal-2025

Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024

Il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ 2024 huwa ‘KRISTALLI TAS-SILĠ’, li kien sottomess minn Kirsten Spiteri u li tħabbar waqt ċerimonja speċjali fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar. Il-konkors jittella’ b’ħidma bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u Aġenzija Żgħażagħ.

Iċ-ċerimonja kienet ippreżentata mill-awtur, liriċist u preżentatur televiżiv Lon Kirkop, li hu stess kien rebaħ dal-Konkors fl-2020 bil-manuskritt Mitt Elf Isem Ieħor: HappyVeganGirlJules, li mbagħad kien ippubblikat minn Merlin Publishers.

Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra, Leanne Ellul, qrat silta mill-manuskritt bejn il-kmiem li bħalissa jinsab fil-fażi tal-editjar, u wara kellha konverżazzjoni ma’ Kirkop li fiha tkellmu dwar l-importanza ta’ dan il-Konkors biex jixpruna aktar xogħlijiet f’dal-ġeneru letterarju. Irreferew ukoll għall-enfasi li jagħmel dal-Konkors fuq l-editjar tal-manuskritt rebbieħ. Ellul rebħet dal-Konkors darbtejn, bl-ewwel darba tkun fl-2014 bil-manuskritt Gramma.

Spiteri ngħata trofew, ċertifikat u premju monetarju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju ta’ €3,000 li se jintużaw fil-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ dar tal-pubblikazzjoni tal-għażla tiegħu wara li jiffirma l-kuntratt tal-pubblikazzjoni.

L-organizzaturi tal-konkors irringrazzjaw lill-membri tal-ġurija, li kienu Josianne Block, Matthew Schembri u Glen Calleja. Il-manuskritt rebbieħ intgħażel minn fost tliet sottomisjonjiet li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Attendew għaċ-ċerimonja l-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Waqt iċ-ċerimonja l-KNK u Aġenzija Żgħażagħ ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2025, li se tkun qed tilqa’ s-sottomissjonijiet bejn il-21 ta’ Jannar u l-5 ta’ Settembru 2025 f’nofsinhar.

L-applikazzjoni, il-kriterji u l-linji gwida jkunu aċċessibbli mis-sit tal-KNK u ta’ Aġenzija Żgħażagħ fid-data tal-ftuħ għas-sottomissjonijiet.