Lokali Qorti

Każ dwar kaċċa u nsib illegali jrid jinstema’ mill-ġdid minħabba żbalji fl-akkużi

Każ dwar kaċċa u nsib illegali jrid jinstema’ mill-ġdid fil-Qorti wara li l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ġie milqugħ ‘in parte’ fil-konfront ta’ kaċċatur ta’ 71 sena. Dan wara li mhux biss kien hemm żball fid-data, ħin u l-post fejn allegatament twettaq ir-reat, imma wkoll il-fatt li Emanuel Abela kien ġie mixli b’erba’ akkużi filwaqt li fl-appell, żdiedet akkuża oħra fil-konfront tiegħu.

Huwa nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li kkaċċja għasfur protett, li kien fil-pussess jew kellu fil-kontroll tiegħu jew żamm kampjuni ta’ għasafar, kemm ħajjin jew mejtin, li uża għasafar bħala taħrik u għajjat li ma kenux imlibbsa ċurkett magħluq b’diametru intern li huwa ta’ daqs apposta għall-ispeċi, li ma kenux imlibbsa ċurkett li jintuża darba li kien maħruġ mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi.

Huwa kien kkundannat għal multa ta’ €1,200 li setgħu jitħallsu permezz ta’ pagamenti mensili u konsekuttivi ta’ €35. Il-Qorti kienet ordnat ukoll il-konfiska tal-apparat tal-kaċċa u nsib u s-sospensjoni ta’ kull liċenzja relatata għall-perjodu ta’ tliet snin. Dan kollu bi ksur tal-liċenzja speċjali għar-riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana fil-ħarifa.

Il-Qorti tal-Appell kienet mitluba tibdel is-sentenza u tillibera lil Abela. Il-fatti tal-każ jirrigwardaw insib illegali b’dan li fl-4 ta’ Novembru 2023, għall-ħabta tad-9.30am., il-Pulizija rċeviet informazzjoni li wara l-kamra tan-nar ta’ Ħal Għaxaq kien hemm persuna li kienet qed tonsob b’aktar minn mansab wieħed mill-istess dura.

Minn investigazzjoni li saret fuq is-sit il-Pulizija sabu lil Abela li eventwalment ġie mixli quddiem l-Ewwel Qorti b’numru ta’ akkużi. Fost it-talbiet tiegħu l-appellant ilmenta li s-sentenza hija nulla u saħaq li filwaqt li fl-ewwel paġna tas-sentenza msemmija huwa ġie akkużat talli “nhar l-24 ta’ Ottubru 2023, għall-ħabta tas-1.50am., fl-inħawi tal-Munxar, f’Marsaskala”.

Fit-tieni faċċata fejn l-Ewwel Qorti bdiet tagħmel il-konsiderazzjonijiet tagħha, hemm imniżżel li kien ġie akkużat li “fl-24 ta’ Ottubru 2023 għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar”. Il-Qorti tal-Appell qalet li hi tinnota li fiċ-ċitazzjoni Abela ġie mixli “talli nhar l-4 ta’ Novembru 2023, għall-ħabta ta’ 9.30hrs,
f’Ħal Għaxaq, fil-limiti tal-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp, Ħal Għaxaq”

Dan meta fis-sentenza appellata jingħad li ġie mixli “talli nhar l-24 ta’ Ottubru 2023, għall-ħabta tas-1:50pm, fl-inħawi ta’ Munxar, Marsaskala”. Il-Qorti qalet li tinnota wkoll li mentri fiċ-ċitazzjoni li biha l-appellant ġie mixli quddiem l-Ewwel Qorti hemm imniżżla erba’ akkużi, fis-sentenza appellata hemm imniżżla ħamsa.

L-Imħallef Neville Camilleri qal li s-sentenza ġġib magħha in-nullità tas-sentenza appellata. Ma setgħetx l-Ewwel Qorti fis-sentenza tagħha l-ewwel tagħmel elenku tal-akkużi li tagħhom skont hi – Abela kien akkużat bihom quddiemha mentri fil-verità ma kienx addebitat dawk l-imputazzjonijiet eżatt.

L-Imħallef Camilleri qal li d-differenza tad-data, tal-lok u tal-ħin fejn allegatament seħħew l-imputazzjonijiet li l-imputat ġie mixli bihom, huwa żball gravi ieħor li din il-Qorti ma tistax tinjora. Il-Qorti tal-appell madankollu qalet:

“Pero’ dan ma jwassalx għall-annullament tal-proċedura kollha li saret quddiem l-Ewwel Qorti kif qed jippretendi Abela. In-nullità hi limitata biss għas-sentenza u kull parti oħra preċedenti tal-proċeduri kontra l-appellant tibqa’ bla mittiefsa.

Għalhekk, kulma jrid isir hu li l-Ewwel Qorti terġa’ tippronunzja s-sentenza bl-appellant irid jitpoġġa mill-ġdid fil-pożizzjoni li kien immedjatament qabel ma ġiet ippronunzjata s-sentenza appellata.” “Il-Qorti, meta tagħti s-sentenza kontra l-imputat, għandha tgħid il-fatti li tagħhom dan ikun ġie misjub ħati, tagħti l-piena u ssemmi l-artikolu ta’ dan il-Kodiċi jew ta’ kull liġi oħra li tkun tikkontempla r-reat,” qal l-Imħallef Camilleri.