Lokali

L-avveniment annwali ta’ ‘Festa Ċitru’ fil-Palazz ta’ Sant’ Anton

Varjetà ta’ ċitru frisk mill-ġonna tal-Palazz ta’ Sant’ Anton f’Ħ’Attard, u divertiment li fisser ġurnata mill-isbaħ għall-familji kollha li attendew ‘Festa Ċitru’ – b’dak kollu miġbur f’din l-attività jmur għall-Malta Community Chest Fund.

Dan l-avveniment annwali jsir mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta sabiex jinġabru aktar flus għal dan il-Fond tant importanti.

Matul l-aħħar ġimgħa, fil-Kċina tal-Palazz ta’ San Anton, kienu qed jinħmew kejkijiet u pasti, fost varjetà ta’ ikel ieħor, ilkoll magħmula mill-frott taċ-ċitru. Dan apparti li l-Ħadd kien hemm bejgħ ta’ ċitru frisk.

Prodott popolari wkoll ma’ dawk li attendew kien l-għasel ta’ Malta – għasel b’togħma unika ta’ ċitru minħabba l-fatt li n-naħla ddakkar il-fjuri tas-siġar tal-larinġ u tal-lumi, b’riżultat li toħroġ it-togħma unika tal-għasel taċ-ċitru.

Apparti bejgħ ta’ prodotti varji, Festa Ċitru offriet divertiment, bis-sehem ta’ bosta kantanti lokali fosthom Fabrizio Faniello, Glenn Vella, u gruppi tal-għana akkumpanjati minn Jomike u Lydon. U kien hemm anke bejgħ ta’ prodotti artiġjanali u attivitajiet għat-tfal u l-familja kollha.

Il-qofol tal-attivitajiet saru fil-Bitħa tal-Palazz ta’ Sant’ Anton, li s-soltu ma tkunx miftuħa għall-pubbliku.