“L-impunità fi żmien Joseph Muscat qatlet ġurnalista… u l-istess impunità qed tkompli anke llum il-ġurnata.”
Sostna dan l-editorjal tat-Times of Malta, b’reazzjoni għall-konklużjoni tal-Inkjesta 17 Black u dak li għad irid ikun magħruf.
L-editorjal tefa’ dawl fuq il-fatt li kieku kien għall-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, illum il-ġurnata l-poplu Malti u Għawdxi għadu fid-dlam ċappa u bla l-ebda informazzjoni dwar dawn l-iskandli maħmuġin li swew lill-poplu miljuni kbar ta’ ewro.
Dan minħabba l-element tax-xejn mhu xejn… u impunità sfrenata li bdiet fi żmien il-bidu tal-mandat Laburista lura fl-2013; l-istess impunità li għadha għaddejja sal-lum il-ġurnata taħt il-Prim Ministru Robert Abela.
L-editorjal spjega kif ir-roadmap tal-Labour kienet ċara – dik li jaħtaf l-istituzzjonijiet sabiex dawk tal-qalba jkunu jistgħu jagħmlu li jridu.
Madanakollu, bis-saħħa ta’ Inkjesti miftuħa miċ-ċittadini Maltin u investigazzjonijiet mill-ġurnalisti, fosthom Daphne Caruana Galizia, wasalna sabiex jinkixfu dawn il-każijiet ta’ korruzzjoni. Grazzi wkoll għall-ħidma importanti li għamel il-PN tul is-snin – inkluż f’dal-każ ta’ 17 Black.
L-Editur fakkar kif l-Avukat Ġenerali rrifjutat li tagħti kopja kif jixraq lill-MEP Nazzjonalista David Casa u lill-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil minħabba l-iskuża li d-drittijiet ta’ dawk li ser jitressqu jiġu mħarsa; madanakollu, l-editorjal fakkar kif l-interess tal-vittmi – ċioe il-poplu – mhux jiġi mħares, bl-Avukat Ġenerali qed tibqa’ żżomm l-Inkjesta mistura.
L-editorjal għalaq billi reġa’ tenna dak li ilu jgħid il-PN biex l-Inkjesta tkun ippubblikata – dan dejjem b’rispett lejn il-poplu Malti u Għawdxi… li hu l-vittma wara l-każijiet kollha ta’ korruzzjoni tal-Labour.
//= $special ?>