L-Eks Technical Coach ta’ AC Milan fost l-oħrajn, it-Taljan Emilio De Leo, hu l-kowċ il-ġdid ta’ Malta. L-MFA ħabbret dan ftit tal-ħin ilu permezz ta’ stqarrija, wara li fil-bidu ta’ Diċembru kienet ħabbret li sa nofs Jannar kienet se tieħu deċiżjoni dwar it-tmexxija teknika tat-tim nazzjonali Malti.
B’hekk Malta se jerġa’ jkollha kowċ ieħor Taljan, b’curriculum vitae interessanti u b’esperjenza tajba hafna ma’ diversi klabbs ewlenin fl-Italja. De Leo hu meqjus bħala l-aktar persuna li għal għaxar snin sħaħ kien viċin il-mibki, Sinisa Mihajlovic li miet f’Diċembru tal-2022 wara li marad bil-lewkimja.
Fl-aħħar għaxar snin ta’ Mihajlovic bħala kowċ, De Leo dejjem kien l-id il-leminija tal-eks internazzjonali tas-Serbja, saħansitra bejn l-2012 u l-2013, meta Mihajlovic kien serva bħala kowċ nazzjonali ta’ pajjiżu. Kien f’dak iż-żmien li nibtet relazzjoni b’saħħitha u li damet sal-aħħar, bejn De Leo u Mihajlovic.
Qabel sar assistant kowċ tas-Serbja, De Leo kien kowċ ma’ kabbs fil-Lega Pro fl-Italja, fejn ħadem ukoll fil-livell tat-timijiet żgħażagħ ta’ ASG Nocerina u Cavese. Il-ħidma u l-istil professjonali li jaħdem bih De Leo kien ġibed l-attenzjoni ta’ Mihajlovic, li malli spiċċa minn kowċ ta’ Fiorentina fl-2011, is-Serb kien stieden lil De Leo sabiex jissieħeb fit-tim tekniku tiegħu sa mill-ewwel ġurnata li Mihajlovic kien assuma r-rwol ta’ kowċ nazzjonali ta’ pajjiżu.
De Leo kien aċċetta l-istedina ta’ Mihajlovic, u fl-etá ta’ 34 sena, il-karriera fil-coaching tat-Taljan ħadet xejra importanti.
Minn dak iż-żmien sakemm Mihajlovic ħalla din id-dinja, De Leo dejjem ħadem fi rwoli ta’ importanza, f’kull staff tekniku ma’ kull klabb li kien miegħu Mihajlovic. Wara l-esperjenza mal-FA Serba, De Leo kien serva dejjem fir-rwol ta’ Technical Coach u assistant kowċ ta’ Mihajlovic, f’kull esperjenza li l-eks difensur ta’ Lazio, Roma u Inter fost l-oħrajn, kellu bħala kowċ bejn l-2012 u l-2022.
Fil-veru sens tal-kelma li De Leo għex l-aħħar għaxar snin ta’ Mihajlovic fil-futbol miegħu u fil-qrib, tant li fiż-żmien li Mihajlovic kien għadu kowċ ta’ Bologna fis-Serie A, u kien ikun indispost biex fiżikament imexxi lit-tim għaliex kien ikun qed jieħu l-kura għall-marda tal-lewkimja, De Leo kien ikun fdat bit-tmexxija tal-iskwadra. De Leo kien il-moħħ fuq il-pitch wara l-ħidma ta’ Mihajlovic.
Kien żmien iebes għal Bologna u mhux anqas għal De Leo, b’Mihajlovic jiġġieled marda kiefra, hu kien il-persuna li fid-dressing room ried jgħolli l-moral u jżomm il-motivazzjoni tal-plejers l-aktar għoli possibbli.
De Leo kien parti integrali mill-istaff tekniku ta’ Mihajlovic meta s-Serb kien kowċ ta’ Sampdoria, Milan, Torino u Bologna fl-Italja. Għal dawn l-aħħar snin, minn kemm ilu li miet Mihajlovic, De Leo kien osservatur tal-futbol Taljan, u f’diversi intervisti li ta lill-midja Taljana, kemm-il darba tkellem dwar ix-xewqa li jieħu l-karriera tiegħu bħala kowċ f’livell għola, u dak li tgħallem għal tant snin mingħand Mihajlovic, jużah hu stess fit-tmexxija ta’ tim.
Din l-opportunità issa se ssir realtá hekk kif l-MFA, wara ġimgħat ta’ diskussjonijiet, laħqet ftehim ma’ De Leo biex imexxi l-istrateġija tal-MFA għas-snin li ġejjin, waqt li jkun il-kowċ nazzjonali l-ġdid ta’ Malta.
L-esperjenza u l-personalità ta’ De Leo tagħmlu personalità rispettata ħafna fil-futbol internazzjonali, partikolarment fl-Italja, u l-fatt li De Leo għadu żgħir fl-età u mimli entużjażmu li jħalli l-impatt tiegħu bħala kowċ u mhux aktar bħala l-assistant ta’ xi ħadd, jawgura tajjeb fl-esperjenza l-ġdida li se jkollu ma’ Malta.
L-abbiltajiet tekniċi u tattiċi li jħaddan De Leo, jagħmluh kowċ interessanti u kapaċi fuq livell ta’ tim nazzjonali. L-esperjenza fit-tul ma’ kowċ ta’ kwalità bħal Mihajlovic, u l-livell ta’ professjonalità tal-klabbs Taljani li ħadem magħhom f’dawn l-aħħar snin, jagħmluh bħala l-kowċ ideali biex imexxi ‘l quddiem il-proġett tekniku u ambizzjuz tal-MFA.
//= $special ?>