Lokali Parlament

Randolph Debattista jirriżenja minn deputat Laburista… issa l-manuvri għall-co-option

Randolph Debattista rriżenja minn deputat parlamentari f’isem il-Partit Laburista wara li kien nominat fil-kariga ta’ Ambaxxatur Malti għan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) f’Ġinevra. F’ittra li kiteb lill-Ispeaker u li nqrat fil-Parlament mill-istess Speaker fis-seduta tal-lum, Randolph Debattista esprima sodisfazzjon għall-impenn parlamentari li wettaq fil-PL.

Il-Whip Laburista Naomi Cachia awgurat lil Randolph Debattista għar-rwol tiegħu bħala ambaxxatur u sellmitlu għall-ħidma tiegħu fil-Parlament. Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ukoll awgura lil Randolph Debattista iktar ħidma b’risq il-pajjiż. Mal-Gvern u l-Oppożizzjoni ngħaqad ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Din ir-riżenja issa fetħet il-possibbiltà għall-Prim Ministru Robert Abela li jagħmel co-option mit-tmien distrett elettorali, partikolarment minn Birkikara li hu d-distrett fejn kien jikkontesta Randolph Debattista. Fuq dan id-distrett il-PL għandu problemi kbar minħabba li anki l-Eks Ministru Laburista Clayton Bartolo m’għadux parti mill-Grupp Parlametari Laburista wara li rriżenja jew tneħħa wara l-aħħar skandli riċenti li jinvolvi lill-mara tiegħu.

Il-Prim Ministru għandu diversi għażliet quddiemu fosthom dik li jdaħħal fil-Parlament lill-Eks Sindku Laburista ta’ Birkirkara Yana Debono Grech li bħalissa hi kunsillier Laburista ta’ Birkirkara. Jekk dan isir, il-PL ikollu l-possibbiltà li jsolvi l-problemi li għandu mal-kunsillier indipendenti li assolutament ma jridx jaħdem ma’ Debono Grech fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.

Fil-PL, Randolph Debattista kellu nuqqas ta’ qbil mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela wara r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta’ Ġunju 2024. Fil-PL ħafna tefgħu l-ħtija għal dan ir-riżultat fuq l-istess Debattista li għall-ewwel irreżista li jwarrab mill-kariga ta’ Kap Eżekutitv tal-PL.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-Prim Ministru solva l-problema billi laħaq ftehim ma’ Randolph Debattista biex jirriżenja minn Kap Eżekuttiv tal-PL u aktar tard anki minn deputat Laburista u jkun appuntat fil-kariga ta’ Ambaxxatur Malti għan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra anki jekk Debattista m’għandu l-ebda esperjenza fid-diplomazija.