Lokali

Robert Abela jgħid mod u jagħmel mod ieħor – PN

Gvern bla pjan li jbażwar ’l hemm u ’l hawn

Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux biss tilef il-boxxla soċjali u morali, iżda qed jinqabad f’gidba wara oħra. Dalgħodu l-ġurnal Times of Malta kixef kif Robert Abela jgħid mod u jagħmel ieħor.

Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija iffirmata minn David Agius, Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport: Ryan Callus, Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni; Mark Anthony Sammut, Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà; u Eve Borg Bonello, Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika.

Fl-2023 Robert Abela wiegħed li 100 karozza tal-linja li jaħdmu bid-diesel se jinqalbu għal karozzi tal-linja elettriċi biex jonqos it-tniġġis tal-arja. Dan kellu jsir minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Meta l-Partit Nazzjonalista kixef li l-Gvern ma kellu l-ebda pjan biex iwettaq din il-bidla, Robert Abela f’paniku qal li dawn il-fondi Ewropej se jmorru biex ikun hemm sussidju għal karozzi elettriċi privati. Iżda anke hawn, Robert Abela nqabad jigdeb.

Issa t-Times of Malta llum kixfet kif il-Gvern Laburista lanqas biss informa lill-UE b’dan kollu. L-iskuża ta’ Robert Abela, meta nkixef li ma għamel xejn dwar il-wegħda tiegħu li jkollna 100 karozza tal-linja li ma jniġġsux, sfumat fix-xejn. Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea kkonferma li l-Gvern Laburista ma wettaq xejn minn dak li qal.

Agħar minn hekk, b’din id-deċiżjoni li jirtira mill-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li kien se jfisser investiment ta’ €34 miljun f’fondi tal-UE f’karozzi tal-linja ġodda li ma jniġġsux, se jkunu qed jintilfu wkoll €7 miljun f’fondi Ewropej għaċ-charging stations tal-istess vetturi, u €50 miljun oħra f’investiment mill-privat biex ikollna arja iżjed nadifa.

Rapport ippublikat is-sena li għaddiet juri li għall-perjodu 2013-2017 bħala Fondi ta’ Koeżjoni, Malta kkwalifikat fl-aħħar post fejn jidħol użu tal-fondi disponibbli għaliha. Il-Gvern Laburista ħela 15% tal-fondi li Malta kellha dritt għalihom mill-Unjoni Ewropea. L-ebda pajjiż ieħor ma ħela daqstant fondi. Huwa ta’ għajb li flus li bihom setgħu gawdew il-Maltin u l-Għawdxin, minħabba l-inkompetenza ta’ Gvern Laburista, intilfu.

Robert Abela ma jistax jitwemmen għax filwaqt li jgħid mod, jagħmel l-oppost. Filwaqt li prova jbellagħha lill-poplu li għamel budget bla taxxi, fil-festi tal-Milied daħħal baxx baxx taxxi ġodda.

Biex jagħmlu tajjeb għad-dejn rekord li ġabu fuq pajjiżna, permezz ta’ avviżi legali ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern lejliet il-Milied, Robert Abela u Clyde Caruana daħħlu bosta taxxi ġodda fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Id-dejn rekord li ħolqu Robert Abela u Clyde Caruana – li għalih ma għandhom xejn x’juri – qed iwassal għal taxxi ġodda u taħwid fil-finanzi pubbliċi fosthom il-fondi li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku soluzzjoni li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin.

Filwaqt li l-Gvern Laburista jixxaħħaħ mas-saħħa tal-poplu – kif għamel f’dan il-każ tal-vetturi elettriċi – imma jimpala eluf għal tal-qalba, Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq trasport tal-massa elettrifikat, li mhux biss inaqqas l-emissjonijiet fit-toroq tagħna, imma jagħtina servizz effiċjenti u adekwat.

Ix-Shadow Ministers Nazzjonalisti fuq kollox wiegħdu kontabbiltà u serjetà fl-infiq pubbliku u fl-infiq tal-fondi Ewropej li jkun fl-interess tal-ġid komuni, u mhux tal-ftit.