Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ lura fejn ħalla waqt il-kampanja tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali billi jwerwer lil niesu bil-babaw – din id-darba mhux tal-Establishment, imma mill-Forzi tad-Dlamijiet.
Fl-aħħar xhur, it-turbolenzi għal Abela ma kienu faċli xejn, bi pressjoni kbira mill-faxxa ta’ Joseph Muscat, u bid-diżgwid intern fi ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kontra proprju Robert Abela – għaliex fi kliemhom stess ma jħossuhx parti minnhom.
Fid-diskors tal-Ħadd, Abela insista dwar il-fatt li d-Deputati Laburisti qed ikunu vittmi ta’ konġuri – minkejja skandlu wieħed wara l-ieħor, minkejja li fl-aħħar mill-aħħar saħansitra ħalla miegħu lill-Ministru Clint Camilleri… waqt li għall-istess skandlu keċċa lill-issa Eks Ministru Clayton Bartolo mil-Labour.
L-inkwiet fi ħdan il-Labour mhux sigriet, tant hu hekk li sal-Ħadd stess, l-Eks Ministru Laburista Karmenu Vella, li nġieb biex jittanta jagħti palata lil Abela, ammetta huwa stess li għandhom il-maltemp bejniethom.
Fid-diskors tiegħu, Abela insista li jrid ibiddel framework legali biex jiggarantixxi protezzjoni legali lill-uffiċjali pubbliċi, li jkunu protetti minn responsabbiltà quddiem il-Qorti f’dak li għandu x’jaqsam xogħolhom.
Għaldaqstant, Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici jispejga kif se jaħdem dan il-framework – bil-Minsitru jinsisti li min se jonqos xorta se jaffaċċja proċeduri kriminali.
Madanakollu wieħed jistaqsi b’liema mod u manjiera Robert Abela jiddeċiedi li xi ħadd huwa innoċenti, bħal fil-każ proprju ta’ Clint Camilleri; li skont il-Prim Ministru nnifsu qiegħed iħabbat wiċċu ma persekuzzjoni għax huwa leali lejh.
Diskors li diġa smajna fil-passat fil-konfront ta’ Eks Ministri u Segretarji Parlamentari li jew fetħu kumpaniji fil-Panama, jew ħadmu lis-sieħeb tagħhom jew il-mara tagħhom b’pagi ta’ eluf ta’ ewro, jew saħansitra ammettew f’chats li tħanżru bħal kulħadd.
//= $special ?>