Id-diskors ta’ Robert Abela tal-bieraħ ifisser ħaġa waħda biss: Robert Abela jrid l-immunità għall-politiċi korrotti u għall-kompliċi tagħhom. Biex jagħmel dan, Robert Abela jrid ibiddel liġijiet ta’ pajjiżna li ilhom għexieren ta’ snin fis-seħħ u li dejjem ġew interpretati u applikati mill-Qrati ta’ pajjiżna b’sens kbir ta’ ġustizzja.
Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija iffirmata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina, fejn spjega li bid-diskors u bil-pjan tiegħu, Robert Abela qed jagħmilha ċara li huwa qed jagħżel li jżomm mal-kriminali minflok maċ-ċittadini onesti Maltin u Għawdxin li xebgħu jinsterqu bit-taxxa tal-korruzzjoni li huma qegħdin jiġu mġiegħla jħallsu.
Il-Partit Nazzjonalista jqis id-diskors u l-pjan ta’ Robert Abela bħala wieħed irresponsabbli u perikoluż u daqqa ta’ ħarta f’wiċċ kull min f’pajjiżna jimxi skont il-liġi. Il-Partit Nazzjonalista se jirreżisti u jiġġieled bil-qawwa kollha dak li jrid jagħmel Robert Abela, permezz ta’ azzjonijiet fil-Parlament, fil-Qrati u fit-toroq ta’ pajjiżna.
Min hu onest u ma wettaq l-ebda abbuż fil-kariga li jokkupa m’għandux għalfejn jinkwieta mill-ġustizzja u mix-xogħol li jwettqu b’dedikazzjoni u bi professjonalità kbira l-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna.
Huwa biss min abbuża u wettaq reati serji bħall-korruzzjoni, il-frodi, is-serq, l-abbuż ta’ poter u l-money laundering, li għandu għalfejn jinkwieta mill-ġustizzja u mill-impenn sħiħ tal-Imħallfin u tal-Maġistrati ta’ pajjiżna li jikxfu l-verità. Robert Abela huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja għax jaf li bħal ta’ qablu qed imexxi Gvern mifni bil-korruzzjoni, b’Ministru wieħed wara l-ieħor jinqabdu f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.
Il-Partit Nazzjonalista jappella u jħeġġeġ lil dawk kollha li jaqdu rwol pubbliku, sabiex jimxu skont il-liġi u jaqdu d-doveri tagħhom fl-interess esklussiv ta’ pajjiżna. Meta uffiċjal pubbliku jiġi mitlub jagħlaq għajnejh jew inkella jipparteċipa f’aġir illegali, huwa għandu jirrifjuta li jagħmel dan u għandu b’responsabbiltà jikxef lil min ikun qed jitolbu jwettaq abbuż, ikun min ikun.
Il-PN ifakkar lil Robert Abela li ħames snin ilu huwa seta’ jsir Prim Ministru biss għax ta’ qablu kellu jirriżenja b’għajb. Minkejja dan, Abela ma ġabx il-bidla li kellu obbligu jġib u minflok kompla miexi fuq il-passi korrotti tal-predeċessur tiegħu.
Pajjiżna jixraqlu Prim Ministru li jwarrab l-interess partiġjani tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru u li jġib l-ewwel u qabel kollox l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>