Sport

Roma jiksbu draw ma’ Bologna fl-aħħar minuti

Ritratt: EPA

Partita fi Stadio Renato Dall’Ara bejn Bologna u Roma immaturat fit-tieni taqsima b’erba’ gowls tnejn minnhom minn penalties, b’Roma jiksbu punt fil-95 minuta.

Ebda gowl matul l-ewwel taqsima. Fit-58 minuta Roma marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Manu Kone kien ALEXIS SAELEMAEKERS li għeleb lil Lukasz Skorupski. Reazzjoni immedjata minn Bologna li tliet minuti wara kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ THIYS DALLINGA li għeleb lil Mile Svilar. 

Ebda reazzjoni minn Roma l-aktar wara li fil-65 minuta Lorenzo Pellegrini ġibed lil Dallinga. Rosario Abisso kkonsulta l-VAR u saffar penalty għal Bologna. LEWIS FERGUSON għeleb lil Svilar għat 2 – 1. Bil-partita destinata għal suċċess ta’ Bologna, fil-95 minuta Lucumi deher li mess b’idu fil-kaxxa. Abisso saffar penalty għal Roma b’ARTEM DOVBYK jagħlaq il-partita 2 – 2.

Napoli jkomplu jirbħu

Gowl f’kull taqsima fi Stadio Diego Armando Maradona, kien biżżejjed għal Napoli biex kisbu l-15-ir rebħa fil-Kampjonat u baqgħu fl-ewwel post b’47 punt iżda lagħbu żewġ partiti aktar minn Inter.

Fil-5 minuta xutt ta’ Giovanni di Lorenzo spiċċa mal-lasta, ħabat ma’ LORENZO MONTIPO b’Napoli fil-vantaġġ għall-uniku gowl fl-ewwel taqsima.

Fil-61 minuta Napoli rdoppjaw meta minn azzjoni ta’ Romelu Lukaku kien ANDRE’ ZAMBO ANGUISSA li għeleb lil Montopo u għalaq il-partita.