Supretendent tal-Pulizija ġiet sospiża mill-Korp minħabba li biddlet il-boots li kienet tuża.
Net News tkellem ma’ din is-Supretendent, li fissret kif baqgħet iċċassata meta spiċċaw marru għaliha b’mandat ta’ arrest, u żammewha sitt sigħat biex interrogawha. Dan fuq akkużi li hi kienet serqet boots li hu parti mill-uniformi.
Kollox beda ftit tal-ġimgħat ilu meta kienet ħarġet ċirkolari li tat il-permess lill-uffiċjali biex il-boots tagħhom jinbidel. Dan minħabba li l-boots ta’ ditta partikolari kien jiżloq. B’sorsi tagħna jikkonfermaw li saħansitra anke d-Deputat Kummissarju żelaq b’dan il-boots.
Jirriżulta li din is-Supretendent kienet waħda minn dawk li għażlet li tbiddel dan il-boots. U issa, lanqas hi stess ma taf għaliex ġiet sospiża mill-Korp.
Aktar kmieni
It-Times of Malta dalgħodu kienet żvelat li allegatament Supretendent tal-Pulizija serqet par boots mill-imħażen tal-Pulizija, fejn jinżammu l-uniformijiet tal-Pulizija, matul il-ġimgħa li għaddiet. Iżda apparentament, din ma kienet serqa xejn!
B’sorsi li tkellmu mat-Times jgħidu li ż-żarbun jiswa inqas minn €100, iżda l-att ta’ serq huwa indifensibbli. Bl-istess sors jgħid li l-grad tal-Pulizija, anke jekk ikun wieħed għoli, ma għandu qatt jipproteġi lil xi ħadd, anzi għandu jkun l-ogħla grad li jkun ta’ eżempju.
Is-Supretendent għandha r-rwol ta’ quartermaster. Rwol li r-responsabbiltajiet tiegħu jikkonsistu fi tqassim ta’ equipment u uniformijiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Sa issa, għadu mhux ċar jekk is-Supretendent hux ħa tkun qed taffaċċja proċeduri kriminali jew jekk hux se tkun qed tgħaddi minn proċeduri interni.
Fl-aħħar snin il-Korp tal-Pulizija ra numru ta’ Pulizija li ma mxewx mar-regoli.
Matul l-aħħar xahrejn kienet sospiża u akkużata fil-Qorti Surġent li allegatament tat informazzjoni lil terzi persuni dwar raids tal-Pulizija. Ftit ġimgħat wara kien uffiċjal fi ħdan l-Ispecial Intervention Unit (SIU) li ġie sospiż wara li nstab pożittiv għall-kokaina.
Fl-aħħar snin kienu sitt uffiċjali oħra sospiżi b’rabta ma’ użu ta’ droga. Filwaqt li erba’ uffiċjali oħra kienu sospiżi b’rabta ma’ investigazzjoniijiet ta’ tbagħbis ta’ kilomitraġġ ta’ karozzi importati mill-Ġappun.
//= $special ?>