Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella biex klassijiet temporanji li se jsiru għall-istudenti tal-iskola primarja tal-Mellieħa ma jsirux fil-Park tal-Familja f’Selmun sakemm tinbena l-iskola l-ġdida.
Fl-Aġġornament tal-Parlament, Robert Cutajar tkellem dwar l-edukazzjoni u qal li l-proġett tal-iskola primarja tal-Mellieħa jmur lura għal għexieren ta’ snin b’edukazzjoni għal eluf ta’ studenti. Hu kompla li fl-aħħar 10 snin inbidlu erba’ ministri tal-edukazzjoni li kull wieħed għamel billboard dwar il-proġett ta’ din l-iskola.
Issa jidher li din l-iskola se tinbena mill-ġdid, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dak li kien se jsir qabel ma kienx se jlaħħaq mal-mod kif qed tiżviluppa l-popolazzjoni fil-Mellieħa. Dan minkejja li t-tfal tal-Manikata ma jattendux f’din l-iskola.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-għażla tall-gvern hi li joħloq zona temporanja għal skola meta din mhijiex l-aħjar għażla. Hu sostna li kien se jagħmel pass ieħor jekk il-gvern jibqa’ jwebbes rasu fuq din id-deċiżjoni għaliex din se tikkaġuna dannu għal-lokalità. L-uniku park tal-familja fiz-zona issa se jservi bħala spazju fejn jitpoġġew disa’ containers li se jkunu trasformati fi klassijiet.
Dan meta din hi l-uniku parti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li sservi bħala pulmun ambjentali u ta’ rikreazzjoni għar-residenti. Il-ġenituri għandhom ikunu informati, sostna Robert Cutajar li qal li hu kien ippropona alternattiva iżda l-gvern ma ħadhiex. Hu qal li skola ġdida titlesta f’mill-inqas tliet snin u qal li l-Park tal-Familja għandu jkun rispettat.
Deċiżjoni oħra żbaljata hi li fiz-zona ta’ Selmun issir venda tal-karozzi tal-linja. Il-komunità tal-Mellieħa se toġġezzjona bis-saħħa għal din id-deċiżjoni, sostna Robert Cutajar, li qal li l-Park ta-Familja jista’ jservi b’mod pożittiv għall-komunità. Fiz-zona ta’ Selmun se jinħoloq traffiku kbir u għalhekk jista’ jintuża parkeġġ imdaqqas fiz-zona tal-Palazz ta’ Selmun u tal-kappella ta’ Selmun għal dawn id-disa’ containers.
Hu qal li l-gvern warrab l-alternattiva li l-klassijiet temporanji jsiru fl-Għoljiet tal-Mellieħa għax din l-art ingħatat biex fiha jsir proġett mostruż.
//= $special ?>