Wara lil-Ħadd Robert Abela kellu jaqla’ lura l-eks Ministru Laburista ta’ żmien Mintoff Karmenu Vella, l-għada, il-Prim Ministru qabbad lill-whip Laburista Naomi Cachia u lill-Ministru Chris Bonnet biex ifaħħruh għal 15-il minuta sħaħ – f’konferenza tal-aħbarijiet li trattat il-ħames snin ta’ tmexxija tiegħu.
F’din il-konferenza, il-kelliema ma semmew xejn fuq kif il-pajjiż f’dawn il-ħames snin falla lil diversi nisa li spiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika. U ma ssemma’ xejn lanqas dwar l-investiment li jeħtieġ isir fil-Qrati tagħna.
Din il-ġimgħa stess, l-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirzi ikkonkludiet illi jeħtieġ li jkun hemm aktar riżorsi biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, u li fuq kull rapport għandu jsir ‘risk assessment’.
Il-konklużjonijiet tal-Imħallef Irtirat Laurence Quintano taw ċamata lill-operat tal-Gvern, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Qrati, speċjalment dwar iż-żieda li hemm bżonn fin-numru ta’ Maġistrati sabiex kull każ ta’ vjolenza domestika jingħata l-importanza li jixraqlu.
Iżda il-whip tal-Grupp Parlamentari Laburista ma kinitx kapaċi twieġeb lil Net News meta saqsejniha għal timeframe biex naraw meta l-Gvern beħsiebu jżid il-Maġistrati. Hi qalet biss li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibli.
Dan mingħajr ma tat l-ebda ħjiel dwar meta ser jidħlu fis-seħħ ir-riformi meħtieġa biex tassew tiġi miġġielda l-pjaga tal-vjolenza domestika.
//= $special ?>