Dan il-Gvern jitkellem ħafna dwar anzjanità attiva u dwar il-bżonn ta’ servizzi fil-komunità li jżommu lill-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu fi djarhom, imma mbagħad mhuwiex kapaċi jipprovdi l-aktar servizz essenzjali u bżonjuż għall-anzjani – is-servizz tal-Home Help.
Hekk sostniet Paula Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva, fi stqarrja fejn fakkret li kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq dan is-servizz għaliex sa mill-bidu nett kien għaraf il-bżonn tiegħu biex l-anzjani ta’ pajjiżna jkunu verament jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità ġewwa djarhom stess.
Sfortunament, kompliet tgħid Mifsud Bonnici, bosta anzjani llum qed jilmentaw li l-Gvern ta’ Robert Abela waqqfilhom ħesrem dan is-servizz. Hemm anzjani oħra li tnaqqsulhom is-sigħat fil-ġimgħa li kienu ġew allokati minn bord apposta wara li dan il-bord ikun għamel evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ dawn l-anzjani u jkun stabbilixxa wkoll x’għandu jkun in-numru ta’ sigħat fil-ġimgħa ta’ Home Help abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom.
Fil-Parlament, qalet Paula Mifsud Bonnici, il-Gvern kellu jammetti li waqqaf dan is-servizz lil aktar minn 70 anzjan. Kellu jammetti wkoll li wħud kellhom jitnaqqsulhom is-sigħat allokati lilhom minkejja li l-anzjani ma talbux li jitnaqqsulhom dawn is-sigħat. Anzjani oħra li applikaw għall-ewwel darba għal dan is-servizz ilhom jistennew xhur sħaħ biex jingħatalhom dan is-servizz.
Robert Abela għandu flus biżżejjed biex iqassamhom lil tal-qalba iżda m’għandux flus biżżejjed biex jinvesti aktar f’dan is-servizz indispensabbli għall-anzjani tagħna.
Robert Abela jixxaħħaħ mal-anzjani iżda jiftaħ idejh ma’ min irid li jżommu kuntent u b’ħalqu magħluq.
Għall-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern, qed iħallsu l-anzjani tagħna. Tħallas int.
//= $special ?>