Lokali

Arrestat ġuvni ta’ 19-il sena li kien qed isuq bla liċenzja u jikser xi kundizzjonijiet tal-Qorti

llbieraħ għall-ħabta tat-15:15, waqt kontroll tat-traffiku ta’ rutina li jsir fi Triq is-Salib tal-Marsa, il-Marsa, il-Pulizija osservaw vettura taqbeż it-traffiku u ddawwar id-direzzjoni, dan xħin ix-xufier innota l-preżenza tal-Pulizija.

L-uffiċjali minnufih segwew din il-vettura u għamlu sinjal lis-sewwieq biex jieqaf, fejn eventwalment ir-Range Rover li kien qed isuq il-ġuvni twaqqfet.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li s-sewwieq, li għandu 19-il sena, ma kellux liċenzja tas-sewqan jew assigurazzjoni valida. Ġie wkoll ikkonfermat li huwa kien qed jikser xi kundizzjonijiet tal-Qorti b’rabta mal-ħelsien mill-arrest.

Fil-vettura mar-raġel ta’ 19-il sena kien hemm ukoll żewġ minuri ta’ 11 u 12-il sena.

Huwa ġie arrestat, filwaqt li l-vettura nġabret bħala parti mill-investigazzjonijiet.

Aktar tard illum għall-ħabta tal-10am huwa se jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Abigail Critien.