Gvern Laburista, l-ewwel immexxi minn Joseph Muscat u llum immexxi minn Robert Abela, qatt ma kellu l-pjan li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies bil-proġett tal-power station tal-Electrogas. L-uniku pjan li kellu u għad għandu l-Gvern Laburista hu li jiffanga u jisraq lill-poplu u li jiddefendi lil min serqu akkost ta’ kollox.
Hu biss għalhekk li Robert Abela għamel u għadu qed jagħmel minn kollox biex il-verità ma toħroġx. Hu għalhekk li Robert Abela irid ikompli jilleġiżla wkoll biex ikompli jgħatti lil min jisraq lill-poplu u biex jostor il-fatti.
Issa li qed toħroġ il-verità mill-inkjesta ta’ 17 Black, il-poplu Malti għandu iswed fuq l-abjad l-ismijiet ta’ dawk kollha li ffrodaw lill-poplu fuq il-power station li tant kienu ftaħru biha qabel l-elezzjoni tal-2013. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Inkjesta Maġisterjali tiġi ppubblikata b’mod sħiħ.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) Darren Carabott u x-Shadow Minister Beppe Fenech Adami, il-kelliema fakkru kif fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech biex il-PAC jinvestiga l-power station mal-Electrogas, inżammu mill-inqas 40 seduta li matulhom xehdu fost l-oħrajn persuni mit-tmexxija tal-Gvern Laburista u eks Ministri.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem u għamel dak li hu d-dmir ta’ min jirrappreżenta lill-poplu billi għarbel u staqsa l-mistoqsijiet pertinenti dwar infiq ta’ fondi pubbliċi, fost l-oħrajn waqt il-laqgħat tal-PAC.
Waqt dawn is-seduti li ffukaw fuq dak li sab l-Awditur Ġenerali fuq il-power station tal-Electrogas, ħadd minn dawk li xehdu ma riedu jieħu l-mertu ta’ dan il-proġett li sa ftit snin ilu kien impinġi bħala wieħed li kien se jkun is-salvazzjoni tal-pajjiż.
Tul is-seduti kien hemm mijiet ta’ mistoqsijiet tal-membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kumitat li baqgħu mhux imwieġba mix-xhieda, fosthom mistoqsijiet li saru lil Keith Schembri, Karl Cini u Brian Tonna.
L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat saħansitra nqabad jaqra t-tweġibiet tas-segretarju tiegħu waqt laqgħa li matulha kellu jixhed dwar din is-serqa.
Kien hemm ħafna li kienu evidentement skomdi jitkellmu dwar dak li sar b’rabta mal-power station. Saħansita kien hemm Ministru li nqabad jgħaddi l-mistoqsijiet li kien se jagħmel lix-xhud li kien se jixhed waqt il-Kumitat Parlamentari.
Dan il-Kumitat – li għandu r-rwol li jżomm lill-Gvern responsabbli għan-nefqiet tiegħu, għandu fuqu membri tal-Gvern li waqt il-laqgħat aktar moħħhom biex jagħmluha ta’ avukati għax-xhieda u jgħattu l-verità minflok li jaraw li toħroġ il-verità kollha.
Huwa ċar daqs il-kristall li dan il-każ issa m’għadux wieħed ta’ sparparljar ta’ finanzi pubbliċi, imma nbidel f’każ kriminali li jinvolvi esponenti għolja tal-Gvern Laburista.
Jgħid x’jgħid Robert Abela, il-proġett tal-power station ma kien xejn għajr roadmap biex jintħanżru Ministri u uffiċjali għolja tal-Labour, u l-poplu dan fehmu sew. U jgħid x’jgħid Abela, il-Labour huwa parti integrali mill-iskandlu tal-Electrogas, it-tanker tal-gass u l-kumpanija 17 Black minn fejn esponenti għolja tal-Labour bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirċievu l-miljuni. Il-Partit Laburista, permezz tad-deputati tiegħu tul is-snin, iddefenda b’kull mod lil dawn l-iskandli u l-imħuħ warajhom, inkluż bil-vot kontra mozzjonijiet parlamentari biex jitneħħew.
Sakemm Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil min hu akkużat kriminalment, qed jibqa’ jagħżel lil min seraq lill-poplu minflok lill-poplu li suppost hu qed jirrappreżenta.
Bejn il-kliem u l-fatti ta’ Robert Abela, hemm baħar jikkumbatti, u l-poplu jaf lil min għandu jemmen.
//= $special ?>