Futbol Sport

Il-kowċ nazzjonali ġdid, Emilio De Leo jgħid li “inħoss sens kbir ta’ responsabbiltà”

Bjorn Vassallo ma' Emilio De Leo
Bjorn Vassallo ma' Emilio De Leo

L-għada li l-MFA, permezz ta’ stqarrija, ħabbret l-isem tal-kowċ il-ġdid ta’ Malta, illum wara nofs in-nhar, it-Taljan, Emilio De Leo kien ippreżentat uffiċjalment lill-Eżekuttiv tal-assoċjazzjoni u l-media lokali, f’konferenza stampa li matulha l-eks kollaboratur tal-mibki, Sinisa Mihajlovic ta l-ewwel kummenti tieħgu fir-rwol il-ġdid tiegħu.

De Leo mhux biss se jkun il-kowċ nazzjonali tal-kbar, iżda se jkun qed iservi ukoll bħala d-Direttur Tekniku tal-MFA.

“Ninsab kburi ħafna u fl-istess ħin inħoss sens kbir ta’ responsabbiltà li nkun il-kowċ nazzjonali ta’ Malta hekk kif se nkun qed nirrapreżenta lin-nazzjon Malti,” tenna De Leo, fl-ewwel kummenti tiegħu mal-media lokali bħala l-kowċ il-ġdif ta’ Malta.

Il-kowċ Taljan ta’ 46 sena, irrikonoxxa l-fatt li l-inkariġu l-ġdid li daħal għaliħ, wara qbil mal-MFA, hu wieħed ta’ sfida iżda għandu fiduċja sħiħa fil-proġett imfassal mal-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol. De Leo żied jgħid li permezzz ta’ xogħol iebes, kollaborazzjoni u rispett reċiproku, għandu tama qawwija li t-tim nazzjonali Malti jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Preżenti għal din il-presentazzjoni uffiċjali ta’ De Leo bħala kowċ ta’ Malta kien hemm il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo li esprima s-sodisfazzjon tal-Assoċjazzjoni li jmexxi, għall-ħatra ta’ De Leo flimkien mal-istaff tekniku tiegħu wara proċess ta’ reklutaġġ bir-reqqa fejn il-kandidati finali ġew assessjati u intervistati minn panel konsultattiv.

Vassallo saħaq li De Leo “hu kowċ żagħżugħ li rnexxielu jilħaq numru ta’ tragwardi, kemm personalment kif ukoll għall-klabbs li rrappreżenta. Huwa ta’ unur li l-Assoċjazzjoni tagħna ħatret kowċ ta’ daqshekk statura.”

Għal darb’oħra, Vassallo afferma mill-ġdid l-għanijiet tal-MFA fuq medda qasira ta’ żmien, ċioé dik li niksbu promozzjoni għal League C tal-UEFA Nations League, jew permezz tal-istadju tal-play-off li jmiss jew il-fażi tal-kampjonat, u biex tavvanza wkoll f’termini ta’ klassifika.

Fuq medda twila ta’ żmien, Vassallo saħaq li l-assoċjazzjoni se tkompli tagħti prijorità lill-iżvilupp tal-plejers, u għadd ta’ inizjattivi li diġà qegħdin fis-seħħ biex jgħinu jintlaħaq dan il-għan.