Lokali Parlament

Il-Parlament isellem lil Michael Falzon… politiku li wettaq riformi infrastrutturali kbar fil-pajjiż

Il-Parlament Malti llum sellem lill-Eks Ministru Michael Falzon li miet ftit ilu u rrikonoxxieh bħala ministru responsabbli mir-riformi infrastrutturali kbar li saru fil-pajjiż wara l-1987; liema proġetti ittrasformaw lill-pajjiż.

F’din il-kommemorazzjoni tkellmu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Ministru Owen Bonnici.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li t-telfa ta’ Michael Falzon hi telfa fuq livell nazzjonali għaliex il-poplu għandu jifhem li f’kull żmien jitfaċċaw politiċi ta’ statura li jħobbu l-pajjiż u jagħmlu d-differenza.

Hu kompla li Michael Falzon serva fi ħdan il-PN u serva lill-familja Maltija u qal li Michael Falzon għażel li jkun ta’ servizz fil-ħajja politika sa minn età żgħira. Michael Falzon jirrakkonta li l-ewwel inkontru fil-PN kien ma’ Borg Olivier li mingħandu kien tgħallem li l-akbar sodisfazzjon fil-politika hi li l-poltiku jkun ta’ servizz.

Fi żmien it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami bħala Kap tal-PN, Michael Falzon kien appuntat Segretarju Informazzjoni tal-PN fejn kien responsabbli għal politika favur xandir oġġettiv u imparzjali. Dan fi żmien meta fil-pajjiż kien hemm probelma dwar ix-xandir ħieles.

Wara l-1987, Michael Falzon kien fdat bil-Ministeru tal-Infrastruttura li kien wieħed mill-iktar ministeri importanti u li ġabu bidliet kbar li ittrasformaw lill-pajjiż. Fost dan kien hemm il-bini tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Michael Falzon kien waqqaf l-Awtorità tal-Ippjanar u ma wera l-ebda biża’ li jgħaddi l-poter li sa dak iż-żmien kellhom il-ministri, qal Bernard Grech, li kompla li Michael Falzon kien persuna ta’ intelliġenza kbira. Michael Falzon kien opinjonista rispettat minn kulħadd u anki meta ma taqbilx miegħu kien dejjem juri rispett uman lejn kulħadd, sostna Bernard Grech.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sellem lil Michael Falzon u tkellem dwar il-mod kif Michael Falzon kien jispjega tant tajjeb id-diskrosi u l-argumenti tiegħu.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Eks Ministru Michael Falzon għamel ħafna ġid lill-pajjiż u dejjem ħabb lil pajjiż. Il-prinċipji politiċi qatt ma żammewh milli jwettaq il-ġid għall-pajjiż, sostna l-Ministru Bonnici, li spjega kif l-Eks Ministru Falzon kellu l-kuraġġ li anki meta beda l-karriera fil-Parlament kien ikkumbatta lill-Eks Prim Ministru Dom Mintoff prorpju fl-ewwel diskors tiegħu.

L-Eks Ministru Michael Falzon kien bniedem kolt, għaqli u li kien jgħidha kif iħossha wara li jiżen il-kliem, qal il-Ministru Owen Bonnici, li kompla li Michael Falzon kellu konvinzjoni biex il-pajjiż imur dejjem għall-aħjar.

Hu qal li Michael Falzon dejjem baqa’ jitkellem dwar Malta aħjar li jrid jara u kompla li Michael Falzon baqa’ jikteb sal-aħħar; dan juri kemm ried jikkontribwixxi biex itejjeb l-affarijiet.

Għalhekk, Michael Falzon stabbilixxa lilu nnifsu bħala awtorità mhux biss fis-settur tal-kostruzzjoni iżda wkoll fuq il-mezzi tax-xandir kull meta kien jikkummenta fuq diversi suġġetti. Michael Falzon kien mentor importanti għal ħafna minna, qal il-Ministru Bonnici.