Fi żjara ta’ kortesija li għamlet fil-Workers’ Memorial Building, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fissret li l-General Workers’ Union hi l-akbar unjin tal-ħaddiema u l-istorja tagħha hi minsuġa fit-tessut tal-ħajja soċjali u ekonomika ta’ pajjiżna. Hija sostniet ukoll li minkejja li ilha mwaqqfa 82 sena, il-GWU xorta għadha tagħmel differenza fil-ħajja politika u soċjali ta’ żmienna.
Il-President Spiteri Debono fakkret kif il-unjin kienet strumentali biex bdiet torganizza lill-ħaddiema fi żminijiet meta l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ma kinux rikonoxxuti bl-ebda mod.
Sostniet ukoll l-importanza li ma ninsewx minn fejn tlaqna u fejn irridu naslu. Fl-istess waqt semmiet kif illum wasalna fi żmien fejn il-ħaddiem u min iħaddmu, iridu jassiguraw li t-tnejn li huma jipproteġu x-xogħol. Dan billi daħal l-għarfien li min iħaddem u l-ħaddiem għandhom skop komuni fejn jidħol l-għajxien.
Il-President fakkret ukoll kif ħafna drabi, il-GWU mliet vojt kbir li kellna fis-soċjetà tagħna. Semmiet kif fi żmien meta l-edukazzjoni terzjarja ma kinitx miftuħa u aċċessibbli bħalma saret maż-żmien, il-General Workers’ Union, li dejjem kellha organizzazzjoni dinamika anke fi ħdan id-diversi taqsimiet, kienet punt ta’ referenza profonda għall-ħaddiema membri.
Il-President Spiteri Debono appellat biex naraw il-mod kif inbidlet is-sitwazzjoni tagħna, irridu nkomplu nedukaw lin-nies. Hija faħħret ukoll il-politika li tnediet dawn l-aħħar jiem dwar il-preżenza tal-ħaddiema barranin fostna. Hija temmet tgħid li tinsab konvinta li l-GWU, bħalma dejjem kienet, se tibqa’ t-tarka tal-ħaddiema.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja filwaqt li rringrazzja lill-President talli laqgħet l-istedina biex iżżur il-Workers’ Memorial Building, fissrilha kif il-GWU twettaq il-ħidma tagħha kemm fuq il-postijiet tax-xogħol u kif ukoll b’laqgħat interni oħra.
Fiż-żjara tagħha, il-President intlaqgħet mill-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU fejn wara ltaqgħet mas-Segretarji tat-Taqsimiet kif ukoll mal-ħaddiema tal-GWU u tal-Union Print.
Wara li ndirizzat il-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, il-President Spiteri Debono ngħatat tifkira tal-okkażjoni.
//= $special ?>