Repubblika, fi stqarrija appellaw lil persuni li jgħożżu d-demokrazija li jwieġbu bil-preżenza tagħhom għat-theddid espliċitu tal-Prim Ministru Robert Abela lid-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Repubblika sostniet li ma jistax ikollna demokrazija jekk il-liġi ma tkunx l-istess għal kulħadd. U ma jistax ikollna gvern demokratiku jekk jitneħħew is-salvagwardji istituzzjonali li jikxfu, iwaqqfu u jikkastigaw lil min juża l-poter politiku biex jisraq.
“Robert Abela hedded li jneħħi d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesti maġisterjali f’reati injorati mill-Pulizija. Ftit ġimgħat wara Abela ħabbar li se jeżenta lill-politiċi u lill-uffiċjali tal-gvern minn konsegwenzi kriminali jekk jużaw l-uffiċċju tagħhom biex iwettqu atti kriminali”.
Repubblika saħqet li hu ċar li wara snin nistennew il-ġustizzja għal reati serji ta’ korruzzjoni kbira, Robert Abela jrid jaħfer lill-korrotti u jrid joħloq ambjent legali li fih il-korrotti ma jkollhomx għalfejn jinkwetaw li xi darba xi ħadd se jwaqqafhom jisirqu.
Hu għalhekk li hu tassew importanti li min irid li f’Malta ssaltan il-liġi mhux isaltnu l-kriminali, isemma’ leħnu u jattendi l-velja ta’ dan ix-xahar li se tiltaqa’ nhar il-Ħamis 16 ta’ Jannar 2025 biex tinsisti għal ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista li nqatlet tiġġieled il-korruzzjoni. Il-velja se tiltaqa’ fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti fis-18:30, kompliet tgħid Repubblika.
Il-kelliem ewlieni fil-vejla se jkun Simon Busuttil li kien l-ewwel li talab li tinbeda l-inkjesta, issa konkluża, fil-korruzzjoni li nkixfet bil-Panama Papers, filwaqt li kelliema oħra jinklududu l-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona, l-attivista ta’ #occupyjustice Martina Farrugia, Robert Louis Fenech mill-Moviment Graffitti, u Manuel Delia.
Repubblika tħeġġeġ lill-persuni ta’ rieda tajba jkunu preżenti u jsemmgħu leħinhom.
//= $special ?>