Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment fis-sistema tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq

Toni Bezzina, PN

Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina insista li għandu jsir investiment fis-sistema tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq.

Fl-Aġġornament tal-Parlament, Toni Bezzina tkellem dwar Wied iż-Żurrieq u qal li dan għadu villaġġ purament turistiku iżda hemm nuqqas ta’ parkeġġ partikolarment fi tmiem il-ġimgħa meta jidħlu l-cruise liners. Jeħtieġ soluzzjoni għall-coaches li jinżlu Wied iż-Żurrieq anki billi titwessa’ t-triq b’mod temporanju.

Hu semma’ l-junction ta’ Wieq iż-Żurrieq u qal li din għadha ma saritx minkejja l-bżonn li hemm għaliha. Dan minħabba n-nuqqas ta’ viżibbilità għas-sewwieqa u għall-persuni li jkunu qed jimxu fil-promenade li hemm.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li problema oħra hi n-nuqqas ta’ drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq u qal li jeħtieġ li jsir rising main biex tissolva din il-problema. Veru li din teħtieġ investiment qawwi iżda mhux ġust li Wied iż-Żurrieq jibqa’ bla drenaġġ u l-pubbliku għadu jinqeda bil-fosos. Hu appella biex isir investiment mill-gvern għaliex il-privat għamel l-investiment li kellu jagħmel biex din iz-zona saħħet it-turiżmu.

Toni Bezzina tkellem dwar l-Awtorità tal-Artijiet u tratta l-clearances ta’ artijiet tal-gvern. Hu qal li l-proċess qed itawwal ix-xhur u s-snin u li mhux aċċettabbli; għalhekk jeħtieġ li l-gvern jattira iktar neis lejn din l-Awtorità.

L-iktar inkwetatnti huma l-applikazzjonijiet għall-permessi mal-Awtorità tal-Ippjanar iżda jekk ma jkunx hemm l-approvazzjoni tal-Awtorità, allura trid issir applikazzjoni mill-ġdid. Dan m’għandux ikun aċċettabbli u għandhom isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet.

Toni Bezzina tkellem dwar ir-raba’ agrikola u qal li l-agrikoltura qed tonqos b’effetti negattivi fuq il-bdiewa żgħażagħ. Għalhekk għandu jkun hemm ammont ta’ art tal-gvern li għandha tkun riservata għall-bdiewa żgħażagħ.