Atletika Sport

L-ewwel edizzjoni tal-Maypole Family Fun Run and Walk

Nhar il-Ħadd 12 ta’ Jannar 2025 saret l-ewwel edizzjoni tal-Maypole Family Run/Walk ġewwa Għar Barka fir-Rabat Malta. Għal dan l-avveniment irreġistraw xejn anqas minn 220 atleta. Kull min ħa sehem f’din il-maratona kien qed jikkontribwixxi biex tingħata donazzjoni lil Action for Breast Cancer Foundation li fil-preżent għaddejja b’xiri ta’ magni Cool Caps li jgħinu lill-pazjenti li jkunu għaddejin minn sessjonijiet ta’ kimoterapija ma jitilfux xagħarom waqt it-trattament. Minkejja temp xejn favorevoli, kien hemm attendenza sabiħa bl-atleti bi ħġarhom jattendu għal din l-attività.

Il-ġirja li kienet fuq rotta ta’ 5Km ħadu sehem fijha xejn anqas minn 80 atleta kemm irġiel kif ukoll nisa.  Fil-kategorija tal-irġiel fl-ewwel post ikklassifika Ronald Camilleri segwit minn Ryan Farrugia u Stephen Cassar.

Fil-kategorija tan-nisa kklassifikat fl-ewwel post Cherylie Farrugia, b’Elaine D’Amato fit-tieni post segwita minn Elaine Aquilina.

Dan l-avveniment kien organizzat taħt il-kappa wkoll ta’ ACES Malta fi ħdan ACES Europe, assoċjazzjoni internazzjonali li taħdem qatigħ biex tippromwovi l-attività u l-kultura sportiva fi ħdan il-komunità inġenerali