Il-medjaturi għall-paċi fil-Lvant Nofsani huma ottimisti li jintlaħaq ftehim konkret għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza….Dan wara li Iżrael u l-grupp terroristiku Ħamas ilhom għaddejjin bi gwerra fit-territorju għal aktar minn ħmistax-il xahar.
Fl-aħħar sigħat kien qed jidher li sar żblokk fit-taħditiet bejn il-partijiet interessati u li daħlu f’fażi ġdida proprju dalgħodu. Intant, il-Qatar – bħala medjatur ewlieni – ikkonferma din l-aħbar pożittiva u li n-negozjati kienu qed jidhru fil-‘fażi finali’. Sar magħruf ukoll li ġew indirizzati l-issues ewlenin li kienu ilhom jostakolaw il-ftehim għal xhur.
L-indikazzjonijiet huma li għandu jkun hemm tlett fażijiet konnessi ma’ ftehim għal waqfien mill-ġlied – bil-Ħamas jeħles numru ta’ ostaġġi Iżraeljani sa mal-ewwel jum li l-ftehim isir effettiv u b’Iżrael jibda jirtira lit-truppi mill-artijiet ta’ Gaza.
Madankollu,hemm anki element ta’ inċertezza fl-aħħar żviluppi, bil-Qatar iwissi li Iżrael u l-Ħamas xorta kapaċi ‘jintilfu fid-dettalji’ tal-patt. Dan ukoll waqt li Iżrael ħareġ il-messaġġ kawt li ‘kien għad fadal xi jsir sakemm il-ftehim ikun iddikjarat bħala konkluż’.
L-Istati Uniti hi fost il-medjaturi fil-proċess u waqt li r-rappreżentanti tal-President Amerikan Joe Biden u l-President Amerikan-elett, Donald Trump, iridu jieħdu l-kreditu għall-progress tat-taħditiet, l-inawgurazzjoni imminenti (fl-20 ta’ Jannar) ta’ Trump bħala l-Mexxej ġdid tal-Istati Uniti qed iżżid il-pressjoni għal deadline relatat mal-ftehim.
Fl-istess ħin, is-sorsi diplomatiċi fil-Lvant Nofsani wissew li din mhix l-ewwel darba li l-uffiċjali tkellmu b’ton pożittiv dwar il-prospett ta’ waqfien mill-ġlied f’Gaza – għalkemm hu minnu wkoll li l-potenzjal għal paċi relattiva issa qed jidher akbar minn qatt qabel.
//= $special ?>