Fi PROFILI tal-lejla se nkunu qed niltaqgħu ma’ Ġorġ Mallia, profil li huwa akkademiku, cartoonist u awtur ta’ diversi kotba.
Matul il-programm se nkunu qed nitkellmu dwar dak li sawwar lill-protagonist, l-ewwel ħajriet tiegħu u fejn beda jmur l-ewwel interess. Miegħu se nitkellmu wkoll dwar l-isfidi tal-edukazzjoni tas-snin 80 u kif bir-riforma ta’ wara l-1987, huwa kompla jistudja fi ħdan l-Università ta’ Malta.

“Ir-riforma li saret wara l-1987 fetħet il-bibien biex l-edukazzjoni tissaħħaħ u jkun hemm aktar għarfien xieraq fuq suġġetti li kienu qed jitwieldu f’pajjiżna.”
Mal-profil se niddiskutu t-tpinġija u x-xogħol artistiku tiegħu, dak li bosta anki naraw fuq il-midja soċjali. Dan apparti wkoll il-mod kif jikteb u jwettaq ix-xogħol letterarju.

Matul il-programm wieħed żgur se jagħraf li x-xogħol ta’ Ġorġ Mallia mhux biss huwa rigal għall-kultura lokali iżda wkoll għodda biex tinħoloq diskussjoni dwar ġrajjiet kurrenti u importanti.
PROFILI, bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ James Aaron Ellul, b’muntaġġ ta’ Beverly Abela, illejla fit-8.30pm fuq NET TV.
Wieħed jista’ jsegwi l-episodji kollha ta’ ‘PROFILI’ fuq YouTube jew anki wħud mill-episodji fuq Spotify.
