Internazzjonali

Renju Unit: Il-Partit ta’ Farage jiggwadanja mill-kaos tal-Laburisti fil-Gvern

Il-Partit tal-lemin Reform UK, immexxi mill-politiku kontroversjali Nigel Farage, qed jiggwadanja sew min-nuqqas ta’ popolarità tal-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Keir Starmer….Dan wara li l-Gvern ħa d-deċiżjonijiet li tefgħu piż diffiċli ħafna fuq is-setturi tas-soċjetà Britannika bl-anqas introjtu – inklużi l-pensjonanti.

Fil-fatt, Reform UK, issa, jinsab b’punt perċentwali biss taħt il-Partit ta’ Starmer…Sitwazzjoni li qed tqanqal inkwiet fost il-Laburisti fil-Gvern u bl-istħarriġ tal-YouGov jindika li l-Partit Laburista għandu jirbaħ 26 fil-mija tal-vot nazzjonali li kieku ssir elezzjoni ġenerali issa fir-Renju Unit  — b’Reform UK jirbaħ 25 fil-mija u bil-Konservattivi fl-Oppożizzjoni jiksbu 22 fil-mija tgal-appoġġ popolari.

Il-politika fir-Renju Unit ilha mit-tmiem tat-Tieni Gwerra dominata mil-Laburisti u Konservattivi u l-qabża kbirafil-popolarità ta’ Reform UK hi tassew żvilupp sinifikanti.

Għalkemm Reform UK għandu biss ħames deputati fil-Parlament ta’ 650 membru, hu minnu li l-partit irnexxielu jirbaħ 14 fil-mija tal-vot fl-elezzjoni ġenerali tal-4 ta’ Lulju u li kien kunsidrat ‘xokkanti’ mill-esperti politiċi lokali.