Ambjent Lokali

Riżultat suċċess għall-BirdLife Malta bis-saħħa tal-volontiera

Għadd ta' volontiera ħadu sehem fl-għadd annwali taz-zakak abjad fi tliet lokalitajiet
Jgħoddu kemm-il zakak abjad daħlu jistrieħu fi tliet lokalitajiet

Fil-11 ta’ Jannar 2025, grupp imdaqqas ta’ volontiera ħadu sehem fl-għadd annwali taz-zakak abjad fi tliet lokalitajiet f’Malta. Din l-attività ilha ssir il-Belt mill-1985. Fl-aħħar snin il-volontiera żiedu l-isforzi tagħhom biex jagħmlu monitoraġġ ta’ aktar siti fejn dawn l-għasafar iqattgħu l-lejl.

Ħamsa u għoxrin volontier għoddew iz-zakak abjad li jidħol jorqod il-Belt, filwaqt li tnejn oħra osservaw post il-Qawra u tnejn oħra l-Mosta. Storikament, iz-zakak abjad dejjem għażel is-siġar maturi tal-Ficus li hemm qrib il-Konkatidral ta’ San Ġwann u quddiem il-Qorti fil-Belt biex jistrieħ. L-għadd kien stabbli tul is-snin, u bejn 10,000 u 14,000 għasfur kienu jqattgħu l-lejl f’dawn is-siġar kuljum.

Iżda fl-2024 in-numru laħaq rekord ta’ 16,182 għasfur – l-ogħla li qatt kien irreġistrat f’dan is-sit. Fl-2025 l-għadd niżel ftit għal 14,780, tnaqqis ta’ 8.6% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Iż-żieda notevoli fl-2024 aktarx kienet marbuta maż-żbir qawwi tas-siġar tal-Ficus fil-Mosta f’Novembru 2023. Dan kien affettwa s-sit fejn madwar 1,000 zakak abjad kienu jistrieħu bil-lejl u ħafna minnhom probabbilment kienu sfurzati jirrilokaw il-Belt Valletta. Fortunatament, din is-sena, is-sit fil-Mosta beda juri sinjali li qed jirkupra.

Il-volontiera għoddew 803 zizka bojod li qed iqattgħu l-lejl hemmhekk – żieda ta’ tmien darbiet aktar meta mqabbel ma’ inqas minn 100 għasfur stmati li raqdu hemm fl-2024. Għalkemm is-siġar tal-Ficus fil-Mosta għadhom qed jirkupraw, l-għasafar kienu osservati jistrieħu fis-siġar taż-żebbuġ kif ukoll f’dawk tal-Ficus li reġgħu bdew itellgħu l-weraq.

Il-Qawra ġew magħduda 1,526 zakak abjad, li jfisser żieda ta’ 69% meta mqabbel mad-962 irreġistrati fl-2024. Is-sit fejn jorqod iz-Zakak Abjad fil-Qawra kien f’riskju minħabba pjanijiet ta’ żvilupp ta’ ċentru tas-saħħa li fortunatament, twarrbu u b’hekk ġie ppreservat dan l-ambjent importanti għal dawn l-għasafar.

Kull filgħodu z-zakak abjad iħalli s-siġar fejn jorqod u joħroġ itir fil-kampanja Maltija biex ifittex l-ikel. Ma’ nżul ix-xemx, l-għasafar jerġgħu lura lejn is-siġar tagħhom. Is-sema timtela b’eluf ta’ għasafar li jtiru flimkien lejn il-postijiet li jagħżlu u joħolqu spettaklu mill-isbaħ. Matul il-ġurnata, iz-zakak abjad jiekol mijiet jekk mhux eluf ta’ insetti kuljum, u b’hekk iżomm kontroll naturali.

Iz-zakak abjad jasal Malta kull Ottubru minn pajjiżi fit-Tramuntana tal-Ewropa bħall-Iżvezja, id-Danimarka, l-Ungerija u l-Polonja. Huma jfittxu pajjiżi aktar sħan madwar il-Mediterran fejn iqattgħu x-xhur tax-xitwa. Is-siġar folti tal-Ficus jipprovdu sigurtà u kumdità lil dawn l-għasafar waqt l-iljieli kesħin.

Iz-zakak abjad jibqa’ Malta sal-aħħar ta’ Marzu.