Lokali

Robert Abela jwebbes rasu: Irid iwaqqaf l-inkjesti maġisterjali u jagħti immunità lill-politiċi korrotti u l-kompliċi tagħhom

Aktar kmieni llum fil-Parlament, il-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddikjaraw ruħhom u vvutaw kontra l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali li ġie ppreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. Dan l-abbozz ta’ liġi tressaq b’għaġla kbira b’ordni ta’ Robert Abela biex permezz tiegħu jwaqqaf l-inkjesti maġisterjali u jagħti immunità lill-politiċi korrotti u lill-kompliċi tagħhom.

Apparti li vvutat kontra fl-istadju tal-ewwel qari, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-vot dwar dan l-abbozz jittieħed b’divisionfil-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista, kif fisser ix-Shadow Minister Karol Aquilina fi stqarrija, diġà ddikjara ruħu kontra dan l-abbozz ta’ liġi li bih Robert Abela qed jagħżel li jżomm mal-kriminali minflok maċ-ċittadini onesti Maltin u Għawdxin li xebgħu jinsterqu bit-taxxa tal-korruzzjoni li huma qegħdin jiġu mġiegħla jħallsu. Għalhekk, il-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qegħdin jivvutaw kontra dan l-abbozz ta’ liġi f’kull stadju tal-proċess parlamentari.

Il-pjan ta’ Robert Abela huwa li jkompli jkisser is-saltna tad-dritt f’pajjiżna billi jxekkel u jindaħal lill-Imħallfin u lill-Maġistrati ta’ pajjiżna fil-qadi tad-doveri tagħhom. Issa jrid ukoll iċaħħad liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mid-dritt li jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali.

Kuntrarju għal Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-fiduċja assoluta tiegħu fl-Imħallfin u fil-Maġistrati kollha ta’ pajjiżna u jħeġġiġhom ikomplu jikxfu l-verità u jwettqu l-ġustizzja. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti wkoll li ma jitnaqqsux id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li huwa biss min abbuża u wettaq reati serji bħall-korruzzjoni, il-frodi, is-serq, l-abbuż ta’ poter u l-ħasil tal-flus li għandu għalfejn jinkwieta mill-ġustizzja u mill-impenn sħiħ tal-Imħallfin u tal-Maġistrati ta’ pajjiżna li jikxfu l-verità.

Robert Abela huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja għax jaf li bħal ta’ qablu qed imexxi Gvern mifni bil-korruzzjoni, b’Ministru wieħed wara l-ieħor jinqabdu f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.