Internazzjonali

Stati Uniti: Ir-rebħa elettorali salvat lil Donald Trump mill-kundanna tal-Qorti

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien se jispiċċa kundannat dwar l-attentati biex jaqleb ir-riżultat leġittimu tal-elezzjoni Presidenzjal tal-2020 li kieku hu ma kienx elett mill-ġdid bħala l-Mexxej Amerikan fl-aħħar vot nazzjonali.

Trump kien tilef l-elezzjoni tal-2020 kontra l-kandidat Demokratiku Joe Biden li l-Presidenza tiegħu issa waslet fi tmiemha — u l-Prosekutur Speċjali, Jack Smith, qed jinsisti li l-provi li tressqu kontra Trump kienu biżżejjed biex jikkonfermawlu sentenza ta’ kundanna mill-qorti.

Smith kiteb dan f’rapport partikulari u wara li hu kien mexxa l-investigazzjonjiet tal-Gvern Amerikan rigward l-aġir ta’ Trump . Il-President Amerikan-elett, intant, irribatta għall-akkużi bil-kummenti – illum familjari — dwar ‘aħbarijiet qarrieqa’ fost l-istqarrijiet li Smith ‘hu bniedem bla kontroll u li jrid imexxi aġenda personali’.

Donald Trump, f’dan il-każ, kien akkużat b’li wettaq pressjoni ‘inaċċettabbli’ fuq l-uffiċjali elettorali bl-iskop li huma jannullaw ir-riżultat tal-elezzjoni tal-2020 mirbuħa minn Biden. Akkużi oħrajn fil-konfront tal-President-elett jirrigwardaw gideb sfaċċati dwar frodi elettorali u sitwazzjoni fejn Trump ipprova jiggwadanja mill-irvellijiet storiċi tas-6 ta’ Jannar tal-2021 fil-Capitol ta’ Washington.

Dan waqt li Donald Trump qed jiċħad kategorikament għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu,

Mindu Trump kien elett għal mandat ieħor bħala President, id-diversi issues legali li hu ilu jikkuntesta għal dawn l-aħħar snin kważi kollha ‘evaporaw’ jew sparixxew mill-attenzjoni tal-pubbliku.

Madankollu, il-Prosekutur Smith għadu sallum jinsisti dwar il-mertu ta-każ imressaq mill-Prosekuzzjoni rigward l-indħil ta’ Trump fil-proċess demokratiku matul il-jiem wara li hu kien tilef l-elezzjoni tal-2020.