L-eks Ministru Nazzjonalista, Michael Falzon ġie deskritt mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech bħala persuna li kellu intelliġenza kbira, dejjem lest biex ifittex il-verità.
Matul id-diskors tiegħu li għamel f’seduta fil-Parlament, Bernard Grech fakkar kif Michael Falzon, minn età żagħżugħa, kien għażel li jservi lil pajjiżna permezz ta’ dedikazzjoni għall-ħajja politika. Fejn sal-aħħar ta’ ħajtu huwa baqa’ iżomm is-sens ta’ analiżi biex ifittex il-verità li tant kien jiddefendi.
“Kien sal-aħħar nett ta’ ħajtu opinjonista rispettat minn kulħadd, anki għaliex filwaqt li dak kollu li kellu xi jgħid, kien jgħidu, kien jagħmel dan mingħajr ma jonqos mir-rispett uman lejn ħaddieħor. Magħruf ukoll għas-sens ta’ umoriżmu intelliġenti tiegħu, jew aħjar kif ngħidu bl-Ingliz il-‘wit’ uniku kellu.”
Id-diskors tal-Kap tal-PN wasal fil-ġurnata li fiha l-Parlament sellem il-memorja tal-eks Ministru Nazzjonalista.
Michael Falzon kien beda bil-ħidma tiegħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Ġorġ Borg Olivier biex imbagħad kompla l-ħidma tiegħu biswit Eddie Fenech Adami fejn serva bħala Segretarju Informazzjoni.
Biex imbagħad, fl-1987 kien ħa f’idejh il-Ministeru tal-Infrastruttura fejn wettaq xogħol impekkabbli favur dan is-settur. Fost l-oħrajn, huwa kien waqqaf l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ħafna mill-poter għadda minn taħt idejn il-Ministeru għal għand struttura organizzata mid-Direttorat tagħha.
Fid-disgħinijiet, il-Perit Falzon mexxa numru ta’ dekasteri oħrajn.
Hu miet fl-eta ta’ 79 sena.
//= $special ?>